Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ

Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ

It-Tmintax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B

LEWWEL QARI

Nibgħatilkom xita ta’ ħobż mis-sema.
Eż 16:2-4,12-15

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, fid-deżert, il-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron. Ulied Iżrael qalulhom: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’! Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”.

Il-Mulej imbagħad qal lil Mosè: “Ara, se nibagħtilkom xita ta’ ħobż mis-sema. Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minn jum għal ieħor kemm ikun jenħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le. Jien smajt it-tgergir ta’ wlied Iżrael. Kellimhom u għidilhom: ‘Filgħaxija tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż. U tkunu tafu li jiena l-Mulej, Alla tagħkom’”.

U ġara li filgħaxija dehret qatgħa summien tittajjar fl-għoli u għattiet it-tined kollha, u filgħodu kien hemm wiċċ nida madwar it-tined. Meta din in-nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-art. Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Man-hu?” – għax ma għarfux x’inhu. Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel li l-Mulej takom biex tieklu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 77(78):3,4bċ,23-24,25,54

R/. (24b): Il-Mulej tahom il-qamħ mis-sema.

Dak li smajna u tgħallimna,
dak li qalulna missirijietna,
inxandruh lin-nisel ta’ warajhom:
tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,
u l-għeġubijiet li għamel. R/.

Imma hu ordna s-sħab fl-għoli,
u fetaħ bwieb is-smewwiet;
u xita ta’ manna bagħtilhom x’jieklu,
tahom il-qamħ mis-sema. R/.

Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,
ikel bix-xaba’ bagħtilhom.
U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu,
fuq l-għolja li kisbet il-leminija tiegħu. R/.

IT-TIENI QARI
Ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla.
Efes 4:17,20-24

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skont ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta’ moħħhom.

Imma intom mhux hekk tgħallimtu ’l Kristu – jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skont il-verità li hi f’Ġesù – jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u li għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:4b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU

Ġw 6, 24-35

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”

Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”. Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.

Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”. Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”. Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Lectio Divina
Mhux l-ewwel darba li anke jien bħal dawn il-Lhud infittex lil Ġesù għaż-żejjed u n-nieqes jew inkella meta niġi dahri mal-ħajt u m’għandix aktar fuq min indur. Imma oħroġ il-għaġeb kull meta ndur fuqu dejjem insibu u dejjem jagħtini dak is-serħan li f’ħadd u xejn aktar ma nsibu. Ġesù li jaqta’ l-għatx u l-ġuħ għall-imħabba, għall-għożża u l-attenzjoni li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Kemm hu sabiħ li nafu li lil dan Ġesù ħa nsibuh dejjem anke meta nfittxuh biss għaż-żejjed u n-nieqes. X’sigurtà u x’serħan il-moħħ. Assigurazzjoni li, iva, il-passat huwa ukoll garanzija għall-futur għax Ġesù jibqa’ ma jinbidilx. Jibqa’ għal dejjem l-Imħabba nnifisha li ma tiġix influwenzata minn ebda fattur ieħor, li mhi suġġetta għal ebda ħaġa oħra.

Ġesù mill-ewwel għaraf għalfejn marru bi ħġarhom ifittxuh. Kien jaf li huma marru jfittxuh għax kienu kielu u xebgħu mill-ħobż li kien kattar. Imma safrattant, filwaqt li kien ċar magħhom, tahom parir li kien jiswielhom ħafna iktar mill-ħobż li kielu u xebgħu minnu—għax dak jgħaddi u jispiċċa bħal kull ħaġa oħra materjali. Xejn mhu għal dejjem ħlief dak li kien minn dejjem—Alla—u l-opri tajba li nagħmlu mal-proxxmu tagħna li fuqhom għad xi darba niġu ġġudikati. Xejn ma jkun jiswa li nakkwistaw titli u assi li bihom jitgħammxu l-għajnejn tad-dinja imbagħad ma nkunux għarafna lil Alla li hu dak li jimla kull vojt u jaqta’ kull għatx. Ġesù hu l-ħobż li jmantnina u jsostnina fil-jiem kollha tagħna. Ejjew għalhekk nersqu nieklu minn dan il-ħobż biex hekk ma jeħodna qatt il-ġuħ.

TALBA

Ġesù, inti taf x’hemm fil-qalb tagħna. Agħmel li nfittxuk dejjem u nagħrfu niddependu fuqek biss f’kull mument ta’ ħajjitna għax inti biss tista’ toffrilna serħan il-moħħ u sigurtà.
Ammen.

The post Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.