Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema

Id-Dsatax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi sa ma wasal fil-muntanja tal-Mulej.
1 Slat 19:4-8

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, inxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!”.

U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad. Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: “Qum u kul!”. Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd.

Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek”. Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 33(34):2-3,4-5,6-7,8-9

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

Imxu fl-imħabba, bħal Kristu.
Efes 4:30–5:2

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa. Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu. Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju

Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema.
Ġw 6:41-51

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.

Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Il-qari mill-Evanġelju tal-lum jippreżenta żewġ kuntrasti. Jibda billi l-Lhud li kienu jafuh igergru għall-Kristu għax qal: “Jien Hu l-ħobż ħaj li nieżel mis-sema.” Il-Lhud mill-ewwel jgħidu lil xulxin li dan Ġesù huwa iben Ġużeppi. Jafu lill-ġenituri tiegħu, għalhekk ma jistgħux jifhmu kien Ġesù kien qed jitkellem b’dan il-mod. Imma dan juri kemm il-folla tħalli l-preġudizzji jirbħu. Jassumu li la jafu min huma l-ġenituri tiegħu, jafu kollox dwar Ġesù. Jista’ jkun li hu għalhekk li lil Ġesù ma jiħduhx bis-serjetà. Naraw kemm l-għarfien limitat li jkollna dwar Ġesù jista’ jagħlaqna milli niskopru aktar lil Ġesù. Hawnhekk naraw ukoll l-isfida. Xi jfisser jekk jien naf dwar Ġesù iżda mbagħad ma nafx lil Ġesù?

Il-fatt li Ġesù jistqarr li hu dan il-ħobż ħaj qed juri li l-identità ta’ Ġesù tmur lil hinn minn identità tiegħu bħala iben Ġużeppi u Marija. Ġesù qed jitkellem dwar min hu. Qed jistedinna għal relazzjoni li ddaħħalna f’intimità mill-aktar profonda. F’kuntrast mal-ġenituri ta’ Ġesù, dak l-aspett li l-folla hi familjari miegħu, Ġesù jitkellem dwar Missieru. Anzi huwa l-Missier li jwassalna għand l-Iben. Hawnhekk Ġesù qed jagħmel stedina għal relazzjoni miegħu u mal-Missier. Huwa l-Missier li qed jistedinna għall-għaqda miegħu fl-imħabba. Din ir-relazzjoni żgur li tmur ’l hemm minn dak li wieħed seta’ qatt jobsor. Ir-relazzjoni divina li Ġesù qed jistedinna biex iseħibna fiha tmur ’l hemm minn dak li jidher min hu.

U hawnhekk niġu għat-tieni kuntrast. Fl-Antik Testment, Alla bagħat il-manna biex il-Lhud jitrejqu fid-deżert. Madankollu dak il-ħobż ma tax il-ħajja eterna; tabilħaqq, l-Iżraelin irribellaw u lmentaw u waqgħu fid-dnub għal darb’oħra u għal darb’oħra. Huma kienu qegħdin ifittxu aktar il-kumdità u s-sodisfazzjon materjali f’din id-dinja milli t-tama u l-ferħ li jiġi meta jitmexxew minn Alla għal ħajja ġdida. Ġesù juri li fih hemm il-milja tas-salvazzjoni. Huwa l-ħobż li jagħti l-ħajja ta’ dejjem. Hija ħajja relazzjonali li ma tintemm qatt. Il-Missier qed jistedinna għall-parteċipazzjoni fil-ħajja divina, bi mħabba bla qjies, permezz ta’ Kristu, li hu wieħed minna. Fl-Ewkaristija, Alla jitmagħna bil-Ħobż tal-Ħajja ta’ dejjem u jmexxina fil-vjaġġ ta’ din il-ħajja għal ħajja kompletament ġdida fih, li tagħti t-tbatijiet u d-diffikultajiet kollha tagħna tifsira u tama. Permezz ta’ din ir-relazzjoni, il-ħajja tagħna fuq din l-art bil-kumplessitajiet tagħha tingħata tifsira. Huwa l-preżent li jwassal għall-ġejjieni glorjuż, dejjem jekk aħna nagħrfu nilqgħu lil Kristu, u permezz tiegħu lill-Missier, fil-ħajja tagħna preżenti.

Talba

Mulej, għinni biex inwieġeb għall-istedina tiegħek b’mod mill-aktar sħiħ, billi mmur ’l hemm minn dak li jidher jew dak li jlellex. Għinni niftakar li relazzjoni sħiħa miegħek hija stedina għal imħabba bla qjies, imħabba li tagħraf terġa’ tagħti dinjità lill-bniedem.

Mulej, filwaqt li nirringrazzjak tad-don tal-Ewkaristija, għinni biex napprezza dejjem aktar l-għotja tiegħek lejja b’mod sħiħ, għotja sħiħa biex lili treġġagħni bi mħabba kbira lejn il-Missier u l-Ħallieq tiegħi.

Mulej, nitolbok biex timlieni bl-Ispirtu tiegħek, biex inkun kapaċi naqsam din l-imħabba tiegħek ma’ dawk li niltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, biex b’hekk inwasslu tama ta’ mħabba sinċiera u profonda li tmur ’l hemm minn dak li toffri d-dinja.

The post Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.