Infetaħ!

Infetaħ!

It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Widnejn it-torox jinfetħu, u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ.
Iż 35:4-7a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u l-widien fix-xagħri.
L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 145(146):7,8-9a,9bċ,10

R/. (1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

SALM RESPONSORJALI
Salm 145(146):7,8-9a,9bċ,10

R/. (1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

Alla għażel lil dawk li huma foqra biex isiru werrieta tas-Saltna.
Ġak 2:1-5

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Ħuti, tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħadd ieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru ma’ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: “Int oqgħod komdu bilqiegħda”, waqt li lill-fqir tgħidulu: “Int oqgħod bilwieqfa”, jew: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja”, ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?

Isimgħu, ħuti għeżież: mhux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex jistagħnu fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh?

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:23

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,
ixandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah.

Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.
Mk 7:31-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata!”, jiġifieri: “Infetaħ!”. U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.

Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

L-inizjattiva biex seħħ dan il-miraklu tal-fejqan ma ġietx mir-raġel li kien trux. Kienu dawn in-nies ta’ rieda tajba li talbu lil Ġesù biex iqiegħed idejh fuqu.

Niftakru li ħafna mill-affarijiet sbieħ li seħħew fina kien frott tar-rieda tajba u t-talb ta’ dawk li jdawruna bl-imħabba tagħhom għalina.
Ġesù jieħu lir-raġel trux fil-privat, ’il bogħod mill-folla. Ġesù jieħu ħsiebna b’mod personali, aħna u Hu.

Għalkemm Ġesù widdibhom biex ma jgħidu xejn lil ħadd, ix-xandir tagħhom li kulma għamel Ġesù kien tajjeb wasal għandna wkoll. Aħna bħall-folla lkoll mistiedna biex bħal Ġesù nagħmlu kollox tajjeb.

Ejjew nintelqu f’idejn dawk li jixtiqulna l-ġid. Inħalluhom iwassluna fejn inkunu qed inżommu lura jew li m’għandniex saħħa naslu waħedna. Irroddu ħajr ta’ tant ġid li seħħ fina u madwarna għax kien hemm min jimpurtah minna.

Ġesù jirrelata magħna bl-aktar mod intimu kull darba li jkollna l-kuraġġ li  nħalluh idaħħal sebgħu f’widnejna u jmiss ilsienna bir-rieq tiegħu, jerfa’ għajnejh lejn is-sema, jitniegħed tnehida u jgħidlna: “Infetaħ mill-għeluq li għalaqt lilek nnifsek fih. Mur xandar li l-Mulej kulma għamel miegħek hu sewwa.”

Talba

Mulej, eħlisni mill-attitudni ta’ “Tajjeb jien, tajjeb kulħadd.”

Agħtini l-grazzja li nkun fost dawk li ma jibqgħux indifferenti quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn.

Agħtini l-grazzja biex anke t-talb tiegħi ma jdurx fuqi u fuq familti, iżda ninfetaħ  u nagħti widen għall-ħtiġijiet ta’ dawk ’il barra minni.

Agħtini l-grazzja biex ma naħsibhiex darbtjen biex inxandrek ħalli tasal għand dawk li fil-ħajja taghhom fommhom u widnejhom ingħalqu għalik.

Ħallini nisma’ dik l-istess tnehida u l-kelma, “Infetaħ,” ħalli ssibni disposta għal dak li trid inti.

Jalla nkunu nies għall-oħrajn u għall-glorja dejjem akbar tiegħek.

Ammen.

The post Infetaħ! appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.