“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?”

“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?”

L-Epifanija tal-Mulej

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Is-sebħ tal-Mulej jiddi fuqek.
Is 60, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.
Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
ilkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13

R/. (ara 11): Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art. R/.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

Issa ġie rrivelat li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda.
Ef 3, 2-3a. 5-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 2, 2

Hallelujah. R/. Hallelujah
Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-Lvant,
u ġejna nqimu l-Mulej.
R/. Hallelujah

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan.
Mt 2, 1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

F’jum l-Epifanija tal-Mulej niċċelebraw il-manifestazzjoni ta’ Ġesù bħala l-Messija ta’ Iżrael u s-Salvatur taddinja. Mattew ilaqqagħna mal-maġi li telqu mil-lvant lejn Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?” (v. 2). Il-maġi kienu nies għorrief, li jfittxu u jistaqsu bl-umiltà, motivati u determinati li jsibu l-verità. Kienu b’ħarsithom merfugħa ’l fuq għal xi sinjal mis-sema meta dehritilhom il-kewkba li dawlitilhom it-triq għal għand il-Mulej Ġesù. Il-vjaġġ li għamlu wassalhom biex jagħrfu lit-tifel Ġesù bħala Sultan. “Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew” (v.10), ferħ ta’ min irċieva raġġ ta’ dawl mingħand il-Mulej, ferħ ta’ min ikun sab dak li kien qed ifittex wara vjaġġ twil. Il-maġi “daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh … u offrewlu rigali” (v. 11).

“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?” (v. 2). Għal din il-mistoqsija Erodi tħawwad għax kien maħkum mill-alla tal-poter u s-suppervja. Erodi wkoll jistaqsi iżda biex jitkixxef “bir-reqqa kollha” (v. 7) ħalli jkun jista’ jwarrab lil min b’xi mod seta’ jidħollu fl-għalqa. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba mill-banda l-oħra, minkejja li kienu jafu fejn kellu jitwieled il-Messija baqgħu stagħġnati mingħajr ma jagħmlu pass.

Il-vjaġġ tal-maġi jissimbolizza mixja ta’ fidi. Il-Mulej għandu ħabta jċaqlaqna mill-kumditajiet li xi drabi nsibu ruħna ankrati magħhom u joħroġna minna nfusna sabiex niltaqgħu miegħu. Meta nagħrfuh bħala s-Sultan tagħna jeħtiġilna nerħu r-riedni ta’ ħajjietna f’idejh u ninxteħtu nadurawh b’ħajja mogħtija għas-servizz tiegħu u tal-proxxmu. Il-maġi sabu lil Ġesù għax kienu lesti li jfittxuh. It-tweġiba għal mistoqsija tagħhom sabuha miktuba mill-profeta fl-Iskrittura Mqaddsa. U inti? Fejn tinsab fil-mixja ta’ fidi tiegħek? Forsi tinsab stagħġnat/a, kuntent/a b’dak li tgħallimt fuq Ġesù meta kont għadek tfal jew miexi/ja b’ħarstek ’il fuq tfittex dejjem aktar lil Ġesù fil-ħajja tiegħek? Lest/a li tadurah billi taqsam ħajtek mal-oħrajn?

Il-missjoni tan-nisrani hija wkoll epifanija. Il-missjoni tagħna hija li nwasslu d-dawl ta’ Kristu kull fejn inkunu. Kemm qed taqsam il-fidi tiegħek mal-oħrajn u tkun xhud bl-għemil tiegħek sabiex il-Kelma t’Alla tiġi manifestata u mwettqa fid-dinja?

Talba

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva. (Salm 72, 10-13)

The post “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?” appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.