Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha

Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha

It-Tielet Ħadd tal-Avvent Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Minħabba fik il-Mulej jithenna b’hena kbir.
Sof 3:14-18a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,
Iżrael, samma’ leħnek!
Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!
Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik,
keċċa l-għedewwa tiegħek.
Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;
ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.
Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:
“Tibżax, Sijon,
tħallix idejk jintelqu!
Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,
gwerrier li jsalva;
minħabba fik jithenna b’hena kbir,
fi mħabbtu jġeddek,
jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ,
bħallikieku f’jum ta’ festa”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Iż 12:2-3,4bċd,5-6

R/.(6): Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael.

Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
Kollkom ferħana
timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

Il-Mulej qorob.
Fil 4:4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob! Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84(85):8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah.

U aħna, x’għandna nagħmlu?
Lq 3:10-18

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

It-tema tat-tielet Ħadd tal-Avvent, li tispika mill-kulur liturġiku roża u l-qari, hija dik tal-ferħ. F’bosta kitbiet kateketiċi nsibu li l-ferħ huwa l-marka tan-Nisrani impenjat f’mixja ta’ dixxipulat wara Ġesù Kristu fi ħdan il-Knisja tiegħu. Fil-qari kollu li nsibu f’dan il-Ħadd jidwi l-kliem ‘ifraħ’, ‘ifirħu’, ‘il-Mulej qorob’.

F’dinja għaddejja minn pandemija; f’soċjetà fejn inti stmat għal dak li għandek u dak li kapaċi tagħmel aktar milli għal dak li int; f’mentalità fejn id-dehra hija ta’ importanza kbira; fejn il-prestiġju tal-persuna jdur ma’ kemm tikkonsma; fi klima fejn it-tiċrita tal-ħalq donnha għandha valur mhux ħażin ipparagunat mat-tbissima li tidher fl-għajnejn; tgħid qed nifhmu sew id-differenza bejn il-kuntentizza u l-ferħ?

Bosta għalliema tal-ħajja interjuri jgħidulna li l-kuntentizza—li hi essenzjalment ħaġa tajba—tiġi minn barra l-bniedem: kuntent bis-suċċessi li wieħed kiseb; kuntent b’xi affarijiet li xtaqt ikollu u issa akkwistahom, eċċ. Fi kliem sempliċi, il-kuntentizza għandha x’taqsam ma’ ambjent san, ma’ affarijiet tajbin u anke sbieħ, ma’ li tkun f’kumpanija ta’ nies li tħossok tajjeb magħhom. Il-kuntentizza titlef il-perspettiva tagħha meta dan kollu jsir l-idolu tal-bniedem. Alla jridna nkunu kuntenti, imma mhux edonisti; iridna li jkollna l-essenzjal imma mhux li nkunu rgħiba, li ma jimpurtanix minn ħaddieħor; iridna napprezzaw u nieħdu ħsieb is-sbuħija f’kull dimensjoni, mingħajr ma ninsew li l-estetika hija aktar profonda mis-sbuħija esterjuri biss; iridna nieħdu gost imma mhux li nkunu individwalisti u ma naħsbux fil-ġid komuni.

Min-naħa l-oħra, il-ferħ huwa interjuri, ġej mir-rabta tal-bniedem fl-essenza tiegħu ma’ Alla. Għax il-ferħ veru jiġi biss minn Alla. Dan jiżboq kull kwalifika, kull business card, kull oġġett prestiġjuż ieħor, anke jmur lil hinn mill-persuni ta’ madwarna. Il-bniedem li jfittex il-ferħ isibu biss f’Ġesù Kristu. Anke jekk jiġu ġranet iebsin, fejn jidħol is-saram f’dimensjonijiet differenti tal-ħajja, il-bniedem bil-mod il-mod jagħraf li Alla hu miegħu, u għaldaqstant il-paċi u l-ferħ tiegħu ma jonqsux. Il-ferħ Nisrani ma jiġix mix-xejn: irridu naħdmu għalih għax huwa deċiżjoni u mhux sempliċi emozzjoni biss.

Forsi wieħed jistaqsi:
– X’nagħmel biex nakkwista dan il-ferħ? Sa nagħti ftit punti:
– Ħares lejk innifsek bis-sinċerità. Apprezza dak li int. Aċċetta dak li inti. Alla dejjem iridna aħjar milli aħna, imma dejjem bih bħala ċ-ċentru ta’ ħajjitna.
– Agħti widen għall-Kelma t’Alla u ffrekwenta s-Sagramenti.
– Sib ftit ħin kuljum fejn tiskot u tisma’ lill-Mulej speċjalment quddiem it-Tabernaklu.
– Agħraf kif tagħmel dixxerniment tajjeb sabiex tibqa’ ffukata fuq il-ferħ li jagħtik il-Mulej, b’deċiżjonijiet u għażliet tajbin li tieħu f’ħajtek.
– Agħmel prioritajiet u prinċipji sodi. Tajjeb li jkollok persuna kompetenti li takkumpanjak spiritwalment sabiex miegħu/magħha taqsam il-mixja spiritwali tiegħek. ###
– Ftakar li l-ferħ veru tħossu meta tagħti (b’intenzjoni tajba) aktar milli meta tirċievi.

Xi ftit mistoqsijiet għar-riflessjoni:
– Xi jferrħek f’ħajtek?
– Lest li tħalli lil Ġesù Kristu jiltaqa’ miegħek f’ħajtek?
– Jista’ jkun li jiġi sa ħdejk fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, jew permezz ta’ dawk ta’ madwarek, jew permezz ta’ dak li taqra/tara, jew permezz tal-eżempji tajba ta’ persuni kuraġġużi?
– Jekk tkun iltqajt tassew ma’ Ġesù Kristu, il-ferħ ma jonqosx.
– X’qed ittellef il-ferħ Nisrani minn ġo fik?
– Kif qiegħed tgħaddi dan il-ferħ lill-oħrajn?
– X’sa tkompli tagħmel sabiex dan il-ferħ ikompli jiġġedded ġo fik.

Talba

Mulej, f’dan l-Avvent, agħtini l-qawwa biex ma nibżax inħallik tiltaqa’ miegħi. Ħa tkun din il-laqgħa l-fus tal-ħajja spiritwali tiegħi. Ħa jkompli l-ferħ tiegħek jimla lil qalbi u lil ħajti.

The post Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.