Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu

Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bilLingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

Mulej Alla tagħna, agħtina li nqimu lilek b’ruħna kollha u li nħobbu lil kulħadd bi mħabba spiritwali. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.
Ġer 1:4-5,17-19

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Fi żmien Ġosija,
ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.
Ħażżem ġenbejk,
qum u għidilhom kulma nordnalek.
La tibżax minnhom,
għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom.
Arani, illum se nagħmel minnek
belt fortizza,
kolonna tal-ħadid,
ħajt tal-bronż,
kontra l-pajjiż kollu,
kontra s-slaten ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,
kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.
Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn,
għax jien inkun miegħek – oraklu tal-Mulej – biex neħilsek minnhom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 70(71):1-2,3-4a,5-6ab,15ab,17

R/.(15): Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek.

Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u fittex eħlisni. R/.

Kun sur ta’ kenn għalija;
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi,
sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek.
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.
1 Kor 12:31–13:13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, intom ħabirku għal doni ogħla. Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll. Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.

L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija. Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew il-forma l-qasira

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.
1 Kor 13:4-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, l-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija. Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ara Lq 4:18

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.
R/. Hallelujah.

Ġesù ma kienx mibgħut għal-Lhud biss.
Lq 4:21-30

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

X’kien għamel Ġesù f’Kafarnahum li n-nies ta’ Nazaret riedu li Ġesù jagħmel f’pajjiżhom ukoll? Kien ifejjaq kull xorta ta’ mard, kien ikeċċi l-ispirti ħżiena, kien iġib il-ferħ u l-ħelsien! Dan ma kienx xi ħaġa tajba? U żgur li kien. Imma għal Ġesù, kien hemm xi ħaġa iktar importanti li ried li niesu jindunaw biha: HU NNIFSU! Riedhom jilqgħuh almenu ta’ profeta mibgħut minn Alla bħalma kienu Elija u Eliżew. Imma huma riedu biss raġel li jagħmel l-għeġubijiet minkejja l-fatt li kliemu għoġobhom u ħassewh mimli ħlewwa.

Riduh skont ix-xewqat tagħhom u mhux skont il-pjan ta’ Alla għalihom. U rrabbjaw ħafna meta wrihom il-verità, tant li riedu joqtluh!

Bħalma ġralu Ġeremija, hekk ġralu Ġesù f’pajjiżu (Ġer 1, 19). Imma hu kien jaf li Missieru hu miegħu.

Jista’ jkun li aħna l-Maltin qed jiġrilna bħan-nies ta’ Nazaret? Jista’ jkun li lil Ġesù rriduh skont ix-xbieha li għandna f’moħħna u mhux skont il-pjan ta’ Alla għalina? Meta t-tagħlim tiegħu ma jdoqqx għal widnejna, x’nagħmlu? Inwarrbuh, narmuh, nagħżlu biss dak li jogħġobna? Jew nilqgħuh f’ħajjitna u nħalluh jibdel il-mod kif naħsbu u ngħixu, inħalluh jagħtina d-direzzjoni fuq deċiżjonijiet serji bħall-abort, l-ewtanasja, il-ġustizzja fuq ix-xogħol, l-imġieba lejn il-fqar u l-imwarrbin?

Talba

Missierna, inti tajtna lil Ibnek biex ikun il-Mulej, is-Sid tagħna. Għinna, nitolbuk, inkunu umli u nċiedu l-fehmiet tagħna għal dawk tiegħu, inħalluh jeħlisna mill-irbit tad-dnub u jimlina bl-Ispirtu tiegħu, Spirtu ta’ qawwa, ferħ u kuraġġ. Grazzi, Missier.

The post Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.