Fik sibt l-għaxqa tiegħi

Fik sibt l-għaxqa tiegħi

Il-Magħmudija tal-Mulej – Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa
Iż 40:1-5,9-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi”, jgħid Alla tagħkom.
Kellmu lil qalb Ġerusalemm
u għidulha li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha”.
Leħen jgħajjat:
“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħabbta titwitta
kull art imħarbta ssir maqgħad.
U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem”.
Itla’ fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon!
Għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:
“Hawn hu Alla tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 103(104):1b-2,3-4,24-25,27-28,29-30

R/.(1): Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.
Inti frixt is-smewwiet bħal tinda. R/.

Waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.
Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,
fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.
L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek,
u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek. R/.

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,
li fih jimraħ ħut bla għadd;
bhejjem żgħar u bhejjem kbar. R/.

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom ikilhom f’waqtu.
Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;
jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Il-Mulej salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu.
Titu 2:11-14; 3:4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lil Titu

Ibni, dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

Iżda meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 3:16

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġej wieħed aqwa minni, jgħid Ġwanni;
hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.
R/. Hallelujah.

Ġesù tgħammed u waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu.
Lq 3:15-16,21-22

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.

Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina
L-Evanġelju tal-lum jiftaħ bid-deskrizzjoni tal-poplu Lhudi ħerqan jistenna l-Messija. Bdew jaħsbu li ser jasal l-punt li fih Ġwanni jneħħi l-ilbies ta’ miġnun li kellu fuqu u fl-aħħar ixidd l-ilbies ta’ sultan gwerrier. Iżda hu jwissihom li hu mhuwiex il-mistenni imma għadu jrid jasal. U meta jasal ikun permezz ta’ Ġwanni li l-Mulej jintwera lill-poplu. Imma l-wirja tal-qawwa ta’ Alla u l-glorja tiegħu ma tidhirx b’kurazza jew b’kuruna, imma permezz ta’ bniedem komuni li jinżel fix-xmara bħall-bqija biex jitgħammed b’magħmudija li kienet għall-midinbin biex jinħafrulhom dnubiethom (jiġifieri proprjament ma kinetx tgħodd għalih). U xħin jitla’ mill-ilma tidher il-glorja kollha ta’ Alla, però mhux kif kien qed jistennieha l-poplu. Il-glorja ta’ Alla tidher billi dan il-bniedem komuni jiġi muri bħala l-Iben għażiż tal-Missier li fih isib l-għaxqa tiegħu.

Spiss fil-ħajja nsibu ruħna nistennew: nistennew f’xi kju l-bank jew uffiċċju; nistennew biex inħallsu għand tal-ħanut; nistennew l-aħħar tax-xahar biex tidħol il-paga jew il-penzjoni; nistennew il-kontijiet (ovvjament mhux bl-istess ħerqa li biha nistennew il-paga); nistennew li dil-pandemija tispiċċa; nistennew li jgħaddilna jew nistennew xi riżultat u nittertqu sakemm jasal … L-istennija hija parti mill-ħajja umana tagħna mmarkata mil-limitu taż-żmien u l-ispazju, u allura li mhux kollox jista’ jkun għandi issa u hawn kif tipprova tilludina l-kultura.

Dan is-sens ta’ stennija huwa fundamentali għan-natura tagħna l-bnedmin: aħna ħlejjaq li jistenenw xi ħaġa. Hija marbuta mad-dimensjoni spiritwali tagħna, u nibdew nitmewtu kemm fil-ġisem u kif ukoll fir-ruħ meta nieqfu nistennew, meta ma jkun hemm xejn għal xiex inħarsu ’l quddiem. U allura, minkejja li Żmien l-Avvent għadda u għadda wkoll il-Milied, il-ħajja tagħna tibqa’ xorta waħda mmarkata mill-istennija.

Id-differenza għalina li rċevejna l-magħmudija hija li nafu x’qegħdin nistennew. B’differenza mill-magħmudija ta’ Ġwanni, il-magħmudija tagħna mhux biss ħelsitna mid-dnub, imma l-magħmudija tagħna hija wkoll bħal dik ta’ Ġesù: aħna fil-magħmudija sirna wlied maħbubin tal-Missier li fina jsib l-għaxqa tiegħu, mhux għax aħna perfetti imma għax fina jara lill-istess Ibnu.

U l-istennija tagħna, issa li minn għada nibdew iż-Żmien ta’ Matul is-Sena, hija t-tensjoni biex ngħixu ta’ wlied maħbubin tal-Missier sakemm lil dan il-Missier narawh wiċċ imb wiċċ; l-istennija bieżla mmarkata mill-isforz biex fina jidher iktar ix-xebh ma’ Ġesù u allura fina l-Missier ikun iktar jista’ jara lil Ġesù u jitgħaxxaq bih; l-isforz kontinwu biex ma nibqgħux staġnati imma nħallu jiġġedded fina d-don tal-Ispirtu, li ma jiskadix imma hemm ir-riskju li nagħlquh ġo gaġġa u ma nħalluhx jiftaħ ġwenħajh u jmexxina lejn fejn irid hu.

Talba

Mulej Ġesù, kemm drabi nsib ruħi nistenna u meta nikseb dak li qed nistenna dlonk nerġa’ nibda nistenna dak li jmiss. Agħmel li f’din l-istennija kontinwa niftakar li ħajti kollha hija din l-istennija ħawtiela u tensjoni attiva. Fakkarni li inti dħalt fil-kju wkoll sabiex jiena nista’ nkun u ngħix ta’ iben maħbub, bint maħbuba tal-Missier. U, flok niddispra tistenna, agħmel li miegħek nitgħaxxaq bil-Missier waqt li nagħraf li hu jitgħaxxaq bija għax jien xbieha tiegħek, Ibnu li sirt bniedem u miet għalija.

The post Fik sibt l-għaxqa tiegħi appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.