Id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet

Id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet

It-Tieni Ħadd tar-Randan

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

Alla jagħmel patt mal-qaddej ġust Abram.
Ġen 15:5-12,17-18

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, il-Mulej ħareġ lil Abram ’il barra u qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek”. U Abram emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja. U qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b’wirt”. U qallu Abram: “Sidi Mulej, kif inkun naf li se niritha?”. U wieġbu: “Ħudli għoġla ta’ tliet snin, mogħża ta’ tliet snin, muntun ta’ tliet snin, gamiema u ħamiema”. U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu l-għasafar tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom lura. Hi u nieżla x-xemx waqa’ fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża’ u dalma kbira.

Meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar iżiġġ qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam. Dakinhar il-Mulej għamel patt ma’ Abram u qallu: “Lil nislek nagħti din l-art, mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-xmara tal-Ewfrat”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 26(27):1,7-8,9,13-14

R/.(1): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,
quddiem min għandi nitwerwer? R/.

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
“Ejja”, għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu!”.
Jien wiċċek infittex, Mulej. R/.

La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi,
tħallinix u titlaqnix,
Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej. R/.

Kristu għad ibiddilna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu.
Fil 3:17–4:1

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina. Għaliex hawn ħafna – dan għedthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja – li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.

Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.

Għalhekk, intom, ħuti, li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew il-forma l-qasira

Kristu għad ibiddilna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu.
Fil 3:20–4:1

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu. Għalhekk, intom, ħuti, li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 9:7

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
“Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu!”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet.
Lq 9:28b-36

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.

U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni għat-Tieni Ħadd tar-Randan

Talba:

The post Id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.