L-Ispirtu ħadu fid-deżert

L-Ispirtu ħadu fid-deżert

L-Ewwel Ħadd tar-Randan

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

O Alla li tista kollox, bit-taħriġ ta’ kull sena matul ir-Randan imqaddes agħtina li nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u li b’ħajja xierqa niksbu l-frott tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Stqarrija tal-fidi tal-poplu ta’ Alla.
Dewt 26:4-10

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-qassis imbagħad jilqa’ minn idejk il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-altar tal-Mulej, Alla tiegħek. Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek: ‘Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; imbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b’xogħol iebes; imma aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta’ missirijietna, u l-Mulej sama’ l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali u b’għeġubijiet, u daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel. U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tajtni int, Mulej’.

U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej, Alla tiegħek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 90(91):1-2,10-11,12-13,14-15

R/.(ara 15): Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,
li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,
għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,
Alla tiegħi, jien fik nittama”. R/.

Ebda deni ma jiġrilek,
ebda ħsara ma tersaq lejn darek.
Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek,
u jħarsuk fi triqatek kollha. R/.

Fuq idejhom jerfgħuk,
li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.
Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi,
ferħ ta’ ljun u serp int tirfes. R/.

“La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;
la għaraf ismi, jiena nħarsu.
Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu,
neħilsu u nerfagħlu ġieħu”. R/.

Stqarrija tal-fidi ta’ min jemmen fi Kristu.
Rum 10:8-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, xi tgħid l-Iskrittura? “Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u qalbek”; jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Għax jekk inti tistqarr b’fommok: “Ġesù hu l-Mulej!”, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni. L-Iskrittura tgħid: “Kull min jemmen fih ma jintilifx”. Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. Għax: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:4b

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, mar fid-deżert fejn kien imġarrab mix-Xitan.
Lq 4:1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.

Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tar-Randan

Il-bidu ta’ żmien ir-Randan dejjem idaħħalna f’post partikulari ħafna: id-deżert. Huwa post li jirrappreżenta l-estremi tas-sħana u l-ksieħ, li jagħmluha tant diffiċli biex il-bniedem jgħix. Huwa l-post li fih wieħed jista’ jisma’ l-eku tiegħu stess. U fl-Iskrittura Mqaddsa d-deżert huwa l-post fejn il-bniedem jidħol fih innfsu, jiltaqa’ miegħu nnifsu, jagħraf u jimmatura fl-identità tiegħu, u jagħraf u jiltaqa’ wkoll mal-vuċi ta’ Alla li ssejjaħlu, tittrasformah u tibagħtu għall-missjoni partikulari u speċjali. Dan ġara lil Abraham, lil Mose, lil Elija, u anki lill-poplu Lhudi wara l-ħruġ mill-Eġittu u l-qsim ta’ Baħar il-Qasab. Fil-Bibbja kolla d-deżert huwa l-post li fih il-bnedmin jgħaddu minn kriżijiet kbar, imma dawn isiru għalihom passaġġi li jwasslu għal sejħa, missjoni, identità u ħajja ġdida.

Jekk ma tidħolx fid-deżert għax twieġeb għas-sejħa tal-Mulej, il-ħajja ddaħħlek xorta għax il-kriżijiet u l-mumenti iebsin, li jikkawżaw uġigħ fuq kull livell, huma parti integrali mill-kundizzjoni umana. Id-differenza bejn li tħalli l-ħajja ddaħħlek fid-deżert u li tidħol minn jeddek għax twieġeb għas-sejħa ta’ Alla hija li l-ewwel waħda taqtagħlek nifsek u kapaċi tiddisprak, filwaqt li l-oħra tibnik u tagħtik dawl ġdid fuqek innifsek, iġġibek aktar qrib tal-identità tiegħek, u tqawwik biex teħodha kontra l-ispirti ħżiena ta’ ġo fik, li jitnisslu jew mix-xitan jew min-natura umana dgħajfa tagħna.

Dan il-vjaġġ intern fid-deżert ta’ ħajjitna jġibna wiċċ imb wiċċ mal-ikbar monstri ta’ ġo fina, kif għamel f’Ġesù. Dawn il-monstri tal-għatx għall-poter u l-fama, għall-gratifikazzjoni sħiħa u instantanja u l-akkumulazzjoni tal-ġid mundan. Dawn huma tentazzjonijiet li, meta wieħed jaqa’ għalihom, ikun qiegħed jiċħad l-identità tiegħu ta’ bin Alla li kull nisrani libes fil-Magħmudija. Fil-fatt, wara kull tentazzjoni ta’ Ġesù fid-deżert hemm l-isforz ta’ Satana biex iġiegħlu jiċħad li hu l-Iben ta’ Alla. U ma’ din iċ-ċaħda, wieħed ikun qiegħed jippreferi jiddependi fuqu nnifsu u l-isforzi tiegħu milli fuq Alla u l-providenza tiegħu bla tarf. Għalhekk Ġesù jitlob u jsum fid-deżert, biex juri li d-dipendenza tiegħu biss fuq Missieru tista’ tissodisfalu l-ġuħ profond ta’ ġo fih, u tħallih jirrelata ma’ kull persuna oħra mingħajr l-ebda interess personali mqanqal mill-għatx għall-poter, fama u pjaċir fieragħ.

Illum tajjeb li nieqfu ftit, u forsi nterrqu ftit fid-deżert interjuri filwaq li nistaqsu: Aħna liema spirti hemm fina li l-aktar ikidduna u jippruvaw inessuna min aħna, u x’inhi l-vokazzjoni proprja tagħna? U l-kilba għall-poter u t-tfittxija għas-sodisfazzjon tal-gratifikazzjoni instantanja, kemm huma qawwija fina, u kemm jegħlbuna f’ċirkustanzi differenti? Kemm niddependu fuqna nfusna iktar milli fuq il-Mulej fl-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum? U kemm infittxu li noħolqu spazji fina u madwarna biex niddjalogaw mal-Mulej (mumenti ta’ talb), nitkarrbu miegħu għall-qawwa tal-Ispirtu Qadsis, u nitolbuh jagħtina l-għerf u l-qawwa fid-deċiżjonijiet l-aktar importanti? Kemm infittxu li nagħrfu l-verità ta’ ġo fina fid-dawl ta’ Alla, anki jekk skomda u ġġib ftit uġigħ?

Talba:

Missier Qaddis, sawwab fuqna l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex nagħmlu l-vjaġġ interjuri li jlaqqagħna magħna nfusna u mad-dgħufijiet tagħna, u jkollna l-kuraġġ naħdmu fuqna nfusna biex nissaffew mill-ġibdiet għall-poter, fama u ġid mundan, u nagħmlu u ngħixu fuq prijoritajiet li jirriflettu r-rieda tiegħek għalina. Ammen.

The post L-Ispirtu ħadu fid-deżert appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.