“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

It-Tieni Ħadd tal-Għid Jew il-Ħadd tal-Ħniena Divina

Kolletta

O Alla ta’ ħniena bla tarf, matul dawn il-festi tal-Għid inti tħeġġeġ il-fidi tal-poplu qaddis tiegħek; qawwih ukoll fil-grazzja li tajtu, biex, kulħadd jifhem bid-dehen kollu b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-ġdid, u b’liema demm infeda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej kien dejjem jiżdied.
Atti 5:12-16

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Bis-saħħa tal-appostli kienu jsiru ħafna sinjali u mirakli fost il-poplu. U huma lkoll qalb waħda kienu jinġabru flimkien fil-portiku ta’ Salamun, u ħadd mill-oħrajn ma kien jissogra jissieħeb magħhom; imma kulħadd kien ifaħħarhom ħafna. L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor, hekk li kienu wkoll iġorru l-morda tagħhom fuq sodod u mtieraħ u jqegħduhom fil-pjazez biex, xħin jgħaddi Pietru, jaqa’ mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom. In-nies kienu jiġu mill-ibliet ta’ madwar Ġerusalemm, iġorru l-morda u lil dawk li kienu maħkuma mill-ispirti mniġġsa; u lkoll kienu jitfejqu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 117(118):2-4,22-24,25-27a

R/.(1): Faħħru ’l Mulej, għaliex hu tajjeb!
jew
R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. R/.

Jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem.
Apok 1:9-11a,12-13,17-19

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħukom u sieħeb tagħkom fit-taħbit u fis-saltna u fis-sabar ma’ Ġesù, jien sibt ruħi fil-gżira jisimha Patmos minħabba l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù. Darba, f’jum il-Mulej, ħassejtni merfugħ fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta’ tromba, jgħidli: “Kulma tara niżżlu fi ktieb u ibagħtu lis-seba’ knejjes”.

U jiena dort biex nara min kien qiegħed ikellimni; u, kif dort, rajt seba’ kandelabri tad-deheb, u f’nofs il-kandelabri kien hemm wieħed qisu Iben ta’ bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh, b’sidru mħażżem bi ħżiem tad-deheb.

Jien, kif rajtu, waqajt qisni mejjet f’riġlejh. Iżda hu ressaq idu l-leminija fuqi u qalli: “Tibżax! Jien hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Post il-Mejtin. Ikteb kulma tara, kemm il-ħwejjeġ li hawn issa u kemm dawk li se jiġru ’l quddiem”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 20:29

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah.

Tmint ijiem wara ġie Ġesù.
Ġw 20:19-31

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu llum f’dan it-Tieni Ħadd tal-Għid hija messaġġ ta’ ferħ u kuraġġ: il-ferħ ta’ Kristu Rxuxtat u l-kuraġġ li jiġi mill-Ħniena Divina tas-Sinjur Alla Missier li “ismu huwa Ħniena.”

F’din is-silta għandna xenarju wieħed taċ-ċenaklu b’żewġ ġrajjiet li jseħħu f’temp ta’ ġimgħa—jum il-qawmien ta’ Ġesù u l-Ħadd ta’ wara. Fl-ewwel dehra ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu, “fl-ewwel jum tal-ġimgħa,” filgħaxija, meta d-dixxipli kienu maqfulin minħabba l-biża’ mil-Lhud, Ġesù xorta daħal, bil-ġisem glorjuż tiegħu, u qagħad f’nofshom bħalma kien soltu jagħmel.

“Is-sliem għalikom!”—Shalom, li timplika saħħa u ġid—u “kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu” sabiex jurihom l-identità tiegħu, bħal donnu qed jgħidilhom, “Jiena hu dak li rajtu msallab.” Bis-sliem li jagħti, Ġesù jesprimi sens ta’ maħfra għan-nuqqasijeit tad-dixxipli matul il-passjoni tiegħu.

Id-dixxipli jifirħu bid-dehra ta’ Ġesù. Imbagħad Ġesù jafdalhom il-missjoni tiegħu stess u l-istess Spirtu tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Il-mandat li l-Missier ta lill-iben issa jgħaddi għand id-dixxipli—il-mandat missjunarju li aħna nwettqu bix-xhieda ta’ ħajja nisranija u bl-opri tajba. U jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu, dik il-forza li kienu jeħtieġu id-dixxipli, u aħna, sabiex inwettqu dan il-mandat. U mad-don tal-Ispirtu tiġi wkoll il-qawwa tal-maħfra tad-dnubiet. Hu għalhekk li dan il-Ħadd hu l-Ħadd tal-Ħniena Divina: għaliex kien f’din l-okkażjoni li Ġesù tagħna s-Sagrament tal-Qrar sabiex bih nirrikonċiljaw lilna nfusna ma’ Alla u mal-bqija tal-komunità.

Sadanittant Tumas, meta ġie Ġesù, ma kienx magħhom. Tumas kien bniedem konkret u realista u jpoġġi l-esperjenza personali bħala kundizzjoni waħdanija għall-istqarrija tal-fidi tiegħu. Jemmen biss dak li jista’ jivverifika. Il-bniedem jagħmel kollox biex jibni l-fidi tiegħu fuq l-esperjenza tiegħu nnifsu. L-uman isir kundizzjoni għall-fidi li tiġi minn Alla, mid-divin. Meta nirraġunaw b’dan il-mod l-anqas nintebħu li nkunu qed nafdaw iktar fil-kapaċitajiet tagħna milli f’Alla.

U fit-tieni okkażjoni, Ġesù jidher fl-istess post u jistieden lil Tumas, li issa hu preżenti, ħalli jersaq u jwettaq il-verifika li kien xtaq. Ġesù juri rispett lejn il-bniedem u lejn l-intelliġenza tiegħu fit-tfittxija għas-sewwa u l-verità. B’din id-dehra Ġesù jsaħħaħ il-kelma tad-dixxipli tiegħu lil Tumas. Juri li tassew qam mill-imwiet. Hu l-istess Ġesù li Tumas kien daqstant midħla tiegħu qabel. U Tumas bl-istqarrija tiegħu jmur pass iktar minn sempliċiment jemmen li hu ħaj imma jagħraf lil Ġesù bħala Mulej u Alla. Ġesù jilqa’ l-istqarrija ta’ Tumas filwaqt li jfaħħar il-fidi ta’ dawk li jemmnu fuq il-kelma tal-predikazzjoni u jsejħilhom “imberkin” għax jemmnu mingħajr ma jaraw.

Talba

Mulej, aħna wkoll għandna bżonn dan id-don tal-fidi għax kultant b’distrazzjoni jew nuqqas ta’ konċentrazzjoni ma nagħrfux eżatt xi jkun qed jiġri fuq l-altar waqt il-konsagrazzjoni. F’dan iż-Żmien tal-Għid, agħtina li nġarrbu l-ferħ għax int preżenti fil-fidi tagħna. Agħtina li nifirħu bir-rigal tas-sliem tiegħek għalina. Bħal Tumas, urina l-feriti miftuħin tiegħek biex turina l-imħabba tiegħek għalina u agħmel li bħalu nistqarru, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

The post “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.