Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema

Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema

Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena Ċ

Kolletta

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis irroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ’​l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Amen

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1:1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha” – qalilhom – “smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 46(47):2-3,6-7,8-9

R/.(6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

Kristu daħal fis-sema stess.
Lhud 9:24-28; 10:19-23

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja. Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Ladarba, ħuti, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi. Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 28:19a,20b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah.

Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema.
Lq 24:46-53

Għeluq tal-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.

Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni għall-Evanġelju ta’ Ħadd L-Lapsi – Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Lq 24:46-53)

Dan l-Evanġelju joffrilna diversi punti ta’ riflessjoni. Il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu huwa għal kulħadd, mhux biss għal dawk li jemmnu fih, imma wkoll għal dawk li matul iż-żmien se jemmnu Fih. Hu bata, miet u qam mill-mewt għal kulħadd: il-maħfra tad-dnubiet hi miftuħa għal kulħadd. 

Ġesù jurina li hu u l-Missier ħaġa waħda, u li flimkien sa jibagħtu lil Ruħ il-Qodos. Hekk insibu xhieda oħra Evanġelika tat-Trinità Qaddisa; tal-għaqda bejn it-tliet persuni f’Alla wieħed. Mill-għaqda tal-imħabba tagħhom inħolqot il-kreazzjoni kollha. Maħluqin minn Alla, jistenniena immorru ngawduh.

Punt ieħor ta’ riflessjoni, huwa l-ħtieġa tal-istennija. F’kultura u mentalità fejn l-immedjat  huwa ċentrali, fejn dan juri effiċjenza, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu sabiex jistennew. Jistennew il-miġja ta’ Ruħ il-Qodos, li ser jimliehom bil-qawwa u b’diversi doni oħra. L-istennija mhix dgħufija imma hija għaqal. Il-prokrastinazzjoni hi dgħufija. Meta l-istennija hi frott l-ubbidjenza (ob-audire, li tisma’ lil), allura marbuta mad-dixxeriniment, din tagħti qawwa interjuri li minkejja l-isfidi kollha, il-ferħ ma jonqos qatt: “mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.”

Messaġġ ieħor ċentrali li joffrilna dan l-Evanġelju li jsegwi l-qawmien mill-mewt tal-Mulej, huwa wieħed ta’ fidi: li Ġesù tassew qam mill-imwiet, tassew rebaħ il-mewt, Ġesù ma qamx biex jerġa’ jmut, imma qam  biex jgħix għal dejjem. Ġesù qed jurina li l-ħajja ta’ dejjem hi reali, mhix xi fantaxjenza. Qed jurina li l-bniedem hu maħluq biex igawdi lil Alla għal dejjem, għalhekk il-mewt bioloġika hija biss passaġġ għall-ħajja eterna. Ġesù jrid jurina li hu magħna għal dejjem, qatt mhux ser jitlaqna—jinsab magħna fl-Ewkaristija. Il-fidi kollox!

Ieqaf u Aħseb:
– Kemm inti inklussiv/a fil-ħsibijiet tiegħek: li l-Evanġleju hu għal kulħadd, li l-maħfra tad-dnubiet hi offruta lil kulħadd? Dan jitlob ħafna umiltà, sabiex tnaqqina mis-self righteousness li jnawwar lil qalbna.
– Tgħid li temmen, imma inti persuna ta’ fidi?  Jekk tassew inti, kapaċi tiskot, tisma’, tistenna lill-Mulej jurik xi jrid minnek?
– B’liema attitudni tersaq lejn l-Ewkaristija?  Kif tgħixha?  Il-ferħ Nisrani hu parti minn ħajtek, minkejja l-isfidi tal-ħajja? 

Talba

Mulej, għallimni niskot biex nisma’ lilek. Għallimni nistenna biex dak li niddeċiedi jkun ġej minnek u b’hekk ikun għall-glorja ta’ Alla, għall-ġid tal-oħrajn u għall-qdusija tiegħi. Ammen. 

The post Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.