Nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem

Nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxina lejn ix-xirka tal-henjin fis-sema, biex aħna, il-merħla ċkejkna tiegħek, naslu fejn daħal qabilna r-Ragħaj qawwi tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13:14,43-52

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.

Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: ‘Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art’”.

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 99(100):2,3,5

R/.(3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla:
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

Il-Ħaruf ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja.
Apok 7:9,14b-17

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.

U wieħed mix-Xjuħ qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.

Lin-nagħaġ tiegħi nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 10:27-30

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio

Minn żmien Abraham fil-Palestina kien ikun hemm u għad hemm merħliet kbar ta’ nagħaġ. Il-Lhud kienu kemm rgħajja u kif ukoll bdiewa li ħajjithom kienet tiddependi mill-merħliet tan-nagħaġ u mir-raba’. Pereżempju nsibu li Ġob kellu 14,000 nagħġa (Ġob 42, 12), u Re  Salamun kien offra fit-Tempju 120,000 nagħġa (1 Slat 8, 63)

It-tifel iż-żgħir tal-familja kien ikun ir-ragħaj sakemm jikber u jsir bidwi biex jgħin lil missieru fl-għelieqi. F’Sam 16, 11 Samwel isaqsi lil Ġesse dwar David iż-żgħir fil-familja li kien qed jirgħa n-nagħaġ. David hu magħruf għas-salmi tant sbieħ li jitkellmu dwar il-Mulej bħala r-Ragħaj (Salm 23).

Ir-ragħaj żgħir kien jilbes tunika tal-qotton b’ċinga tal-ġild ma’ qaddu, u fuq din it-tunika kien jilbes l-aba li kienet tkun magħmulha mix-xagħar tal-ġemel, bħal dik ta’ Ġwanni il-Battista. L-aba kienet issaħħan liż-żgħir, tipproteġih mix-xita u għata għal matul il-lejl.

Il-ħorġa jew barżakka tar-ragħaj iż-żgħir kienet tkun magħmulha minn ġilda mnixxfa. Ommu kienet tpoġġilu ftit ħobż, ġobon, frott nixef u xi żebbuġ. Kien ġo barżakka bħal din li David poġġa l-ħames ċagħqiet meta mar għall-ġlieda mal-ġgant Gulija (1 Sam 17, 40).

F’Salm 23, 4 jissemmew il-ħattar u l-għasluġ. Il-ħatar kien mezz ta’ protezzjoni minn animali li jattakaw lill-merħla. L-ebda ragħaj ma kien joħroġ mingħajru. L-għasluġ kien ikun madwar 5-6 piedi twil u kien ikollu forma ta’ ġanċ fit-tarf tiegħu. Ir-ragħaj kien jużah biex ikun jista’ jgħodd u jispezzjona lin-nagħaġ.

Ix-xettru tar-rejiet, li kienu meqjusa bħala r-rgħajja tal-poplu, kien ikollu forma ta’ ħatar. Għar-rejiet dan kien simbolu ta’ protezzjoni, qawwa u awtorità (Mik 7, 14).

Nixtieq naqsam riflessjoni tal-artist Malti, John Martin Borg li riċentement kelli x-xorti nisma’ minn fommu l-interpretazzjoni tal-pittura tiegħu li tidher hawn.

Meta nħarsu lejn il-pittura naraw il-figura ċentrali ta’ Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb. F’dirgħajh qed iżomm il-ħaruf, dak lis-stess ħaruf li kien wieħed mit-titli tiegħu fit-tieni qari tal-lum mill-Apokalissi.

Fil-kustat tiegħi aħna qed niġu mistiedna nħarsu fil-fond lejn il-ġewwieni ta’ Ġesù—il-qalb tiegħu li qed tnixxi d-demm li jinżel fuq in-nagħġa li tirrapreżenta lill-Knisja li waqt li titqabad qed tirgħa mill-ħaxix, simbolu tal-Kelma ta’ Alla. It-tieni nagħġa tirrapreżenta l-Knisja li tikkontempla x-xbieha ta’ Kristu.

Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb jinsab f’nofs kolonna kulur id-deheb. Il-parti ta’ fuq ta’ din il-kolonna tissimbolizza ż-żewg persuni tat-Trinità, il-Missier u lis-Spirtu Santu, permezz tal-kulur aħmar. Il-parti ta’ isfel tissimbolizza l-kolonna li mxiet fid-deżert mal-Lhud waqt l-Eżodu u li pproteġiethom mid-dlam u mill-Fargħun u r-rikkieba tiegħu.

Talba

Mulej, inti r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosni. F’mumenti ta’ taħbit u qtigħ il-qalb, fakkarni, Mulej, li int mhu ser titlaqni qatt u lest tipproteġini minn kull saram u hemm biex b’hekk tingħata glorja lill-Missier.

Ammen.

The post Nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.