Kulħadd kiel u xaba’

Kulħadd kiel u xaba’

Il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù
It-Tieni Ħadd fuq Għid il-Ħamsin

Kolletta

O Alla, int f’dan is-sagrament tal-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-Passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek, Int li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Ħareġ bil-ħobż u l-inbid.
Ġen 14:18-20

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Melkisedek, sultan ta’ Salem, li kien qassis ta’ El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u l-inbid. U bierek lil Abram u qallu:
“Imbierek Abram minn Alla l-għoli,
li għamel is-sema u l-art.
U mbierek Alla l-għoli
li reħa f’idejk l-għedewwa tiegħek”.
U Abram tah l-għexur minn kollox.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 109(110):1,2,3,4

R/.(4bc): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:
“Oqgħod fuq leminti,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek
mirfes taħt riġlejk”. R/.

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon:
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek! R/.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa,
sa minn qabel is-sebħ
bħan-nida jien nissiltek. R/.

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobbx bih:
“Inti qassis għal dejjem
bħal Melkisedek!”. R/.

Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.
1 Kor 11:23-26

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”.

Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel.

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.

Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,
għax hu ’l fuq minn kull tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,~
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.

Dak il-ħobż li fuq il-mejda
lill-appostli fl-ikla mqaddsa
kien ingħata biex jikluh.

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għalkollox l-Għid qadim.

Il-qadim twarrab mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed dlam il-lejl.

Dak li twettaq fl-Aħħar Ċena,
Kristu ried jibqa’ jiġġedded,
biex ikun tifkira tiegħu.

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

Twemmin ġdid lilna l-Insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.

Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu
fuq kull ordni tan-natura.

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ hemm moħbi
taħt kull waħda mix-xbihat.

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.

Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba,
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.

Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

* * *

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.

Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
int itmagħna u ħarisna:
inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.

Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.
Ammen. Hallelujah.

Lauda Sion Salvatorem,
lauda ducem et pastorem,
in hymnis et canticis.

Quantum potes, tantum aude:
quia maior omni laude,
nec laudare sufficis.

Laudis thema specialis,
panis vivus et vitalis
hodie proponitur.

Quem in sacræ mensa cenæ,
turbæ fratrum duodenæ
datum non ambigitur.

Sit laus plena, sit sonora,
sit iucunda, sit decora
mentis iubilatio.

Dies enim sollemnis agitur,
in qua mensæ prima recolitur
huius institutio.

In hac mensa novi Regis,
novum Pascha, novæ legis,
phase vetus terminat.

Vetustatem novitas,
umbram fugat veritas,
noctem lux eliminat.

Quod in cena Christus gessit,
faciendum hoc expressit
in sui memoriam.

Docti sacris institutis,
panem, vinum in salutis
consecramus hostiam.

Dogma datur christianis,
quod in carnem transit panis,
et vinum in sanguinem.

Quod non capis, quod non vides,
animosa firmat fides,
præter rerum ordinem.

Sub diversis speciebus,
signis tantum et non rebus,
latent res eximiæ.

Caro cibus, sanguis potus:
manet tamen Christus totus
sub utraque specie.

A sumente non concisus,
non confractus, non divisus:
integer accipitur.

Sumit unus, sumunt mille:
quantum isti, tantum ille:
nec sumptus consumitur.

Sumunt boni, sumunt mali:
sorte tamen inæquali,
vitæ vel interitus.

Mors est malis, vita bonis:
vide paris sumptionis
quam sit dispar exitus.

Fracto demum sacramento,
ne vacilles, sed memento
tantum esse sub fragmento,
quantum toto tegitur.

Nulla rei fit scissura:
signi tantum fit fractura,
qua nec status, nec statura
signati minuitur.

Ecce panis angelorum,
factus cibus viatorum:
vere panis filiorum,
non mittendus canibus.

In figuris præsignatur,
cum Isaac immolatur,
agnus Paschæ deputatur,
datur manna patribus.

Bone pastor, panis vere,
Iesu, nostri miserere:
Tu nos pasce, nos tuere,
Tu nos bona fac videre
in terra viventium.

Tu qui cuncta scis et vales,
qui nos pascis hic mortales:
tuos ibi commensales,
coheredes et sodales
fac sanctorum civium.
Amen. Alleluia.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

Kulħadd kiel u xaba’.
Lq 9:11b-17

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”.

Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għall-inqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”.

Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.

Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Nimmaġinaw lil Ġesù, imdawwar bil-folol li kienu jmorru warajh, uħud kellhom għatx għall-kelma tiegħu, oħrajn għall-fejqan. Ġesù dejjem b’idejh miftuħa, lest li jilqa’ bi mħabba u jqassam b’ġenerożità lil kull min jersaq lejh. B’kuntrast għall-attitudni ta’ Ġesù għandna dik tat-Tnax li jgħidu lil Ġesù biex jibgħat lin-nies sabiex jaħsbu għal rashom u “jsibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa” (v. 12).

Ġesù ma jaħsibhiex bħat-Tnax. Ġesù jrid li d-dixxipli tiegħu mhux biss ikunu b’għajnejhom miftuħa għall-ħtiġijiet tal-oħrajn iżda jkollhom ukoll qalbhom miftuħa, lesti li jaqsmu dak li huma u dak li għandhom mal-proxxmu fil-bżonn. Għaldaqstant, Ġesù jaħsadhom meta jazzarda jpoġġi r-responsabiltà tal-folol fuq spallejhom: “Agħtuhom intom x’jieklu” (v. 13). Għal darb’oħra l-ħsieb tat-Tnax huwa ’l bogħod minn dak ta’ Ġesù. L-ewwel ħaġa li tiġihom f’moħħhom hi li ma jistgħux jagħmlu dak li qed jitlob minnhom l-Imgħallem: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet …” (v. 13). Iżda Ġesù jilqa’ l-ftit li għandhom, jerfa’ għajnejh lejn is-sema, ibierku u jaqsmu, u jagħtihulhom biex inewluh lin-nies. “U kulħadd kiel u xaba’” (v. 17).

Jekk nagħtu ħarsa madwarna żgur li nilmħu nies bil-ġuħ: bil-ġuħ għal sempliċi tbissima, bil-ġuħ għal qalb li tisma’ u tagħder, bil-ġuħ għal sens u skop fil-ħajja, bil-ġuħ għall-ferħ li jibqa’, bil-ġuħ għall-kelma ta’ faraġ, bil-ġuħ għall-imħabba. Illum Ġesù qed jgħidilna, “Agħtuhom intom x’jieklu.” Jista’ jiġrilna bħat-Tnax u naħsbu li m’għandniex minn fejn nagħtu, m’għandniex ħin, m’aħniex kapaċi, hemm ħaddieħor li jista’ jgħin, u elf skuża oħra. Il-Kelma tal-lum tgħallimna li bil-qawwa tal-imħabba tiegħu Ġesù jkattar kull offerta li aħna nagħmlu minkejja l-faqar tagħna. Tabilħaqq, jekk inħalluh, Ġesù jista’ jibdel il-faqar tagħna f’abbundanza. Ġesù jbierek u jaqsam l-offerta tagħna bħalma għamel bil-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet. Mhux talli kielet il-folla, talli baqa’ ż-żejjed ukoll.

Dan hu s-sagrament tal-imħabba li qed niċċelebraw dan il-Ħadd, fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, li tana lilu nnifsu kollu kemm hu, u għoġbu jibqa’ magħna fl-Ewkaristija. Kull darba li aħna nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu nkunu qegħdin nilqgħu l-istedina ta’ Ġesù: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Xi grazzja tkun għalina jekk inħallu lil Ġesù Ewkaristija jibdilna fih biex aħna nsiru dak li nirċievu. Ejjew inkunu ġenerużi u noffru dak li aħna u dak li għandna lill-Mulej sabiex ibierku u jaqsmu għall-ġid komuni.

Ieqaf u Aħseb
– L-Ewkaristija li nirċievu qegħdin inħalluha tibdilna fi Kristu?
– Kif qegħdin ngħixuha l-Ewkaristija? Qegħdin naqsmu dak li aħna u dak li għandna mal-proxxmu tagħna?

Talba

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

Salm 25, 4-5

The post Kulħadd kiel u xaba’ appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.