L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox

L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox

Għid il-ĦamsinSolennità

Kolletta

O Alla, bil-misteru tal-festa tal-lum inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu: sawwab id-doni tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor, u agħmel li issa wkoll iseħħ, fil-qalb ta’ kull min jemmen, dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 2, 1-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.
Rum 8, 8-17

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.

Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet

jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem. Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.

Ammen. Hallelujah.

Veni, Sancte Spiritus,
et emitte caelitus
lucis tuae radium.

Veni, pater pauperum,
veni, dator munerum
veni, lumen cordium.

Consolator optime,
dulcis hospes animae,
dulce refrigerium.

In labore requies,
in aestu temperies
in fletu solacium.

O lux beatissima,
reple cordis intima
tuorum fidelium.

Sine tuo numine,
nihil est in homine,
nihil est innoxium.

Lava quod est sordidum,
riga quod est aridum,
sana quod est saucium.

Flecte quod est rigidum,
fove quod est frigidum,
rege quod est devium.

Da tuis fidelibus,
in te confidentibus,
sacrum septenarium.

Da virtutis meritum,
da salutis exitum,
da perenne gaudium,
Amen. Alleluia.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħeku kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek
R/. Hallelujah.

L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox.
Ġw 14, 15-16. 23b-26

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni Għid il-Ħamsin Sena Ċ – Ġwanni 14, 15-16, 23b-26

Filwaqt li Għid il-Ħamsin jagħlaq Żmien il-Għid—il-perjodu ta’ ħamsin jum li fihom niċċelebraw il-ferħ tal-Għid—il-liturġija tal-lum tkompli ddawwalna u tħeġġiġna biex nissuktaw interrqu fuq il-passi tal-Mulej Ġesù mmexxija mill-Ispirtu Qaddis tiegħu.

“Jekk tħobbuni (v. 15) … Jekk xi ħadd iħobbni (v. 23) … Min ma jħobbnix (v. 24) …” Ġesù jibni kollox fuq l-imħabba, mhux fuq l-emozzjoni bħalma tagħmel id-dinja, iżda fuq l-imħabba mgħixa, l-imħabba mingħajr kundizzjoni kif jgħallimna Hu nnifsu. Fit-tagħlim tiegħu, Ġesù jorbot l-imħabba mal-ubbidjenza u jisħaq li fil-ħajja tad-dixxipli tiegħu ma jistax ikun hemm waħda mingħajr l-oħra imma t-tnejn jimxu id f’id. Hekk kif l-Iben iħobb lill-Missier u jagħmel ir-rieda tiegħu hekk ukoll id-dixxiplu ta’ Ġesù għandu jagħti widen għall-kmandamenti tiegħu frott l-imħabba li għandu għalih. Hekk jgħallimna nitolbu Santu Wistin, “Nitolbok, Mulej, ikkmandani dak li trid, irrid naqdik bil-ferħ kollu ta’ qalbi, għaliex mhux l-indiema imma l-imħabba qegħda ssejjaħli lejk.”

Ġesù jwiegħed li dawk li jħobbuh u jħarsu kelmtu jkollhom il-ħajja ta’ Alla fihom permezz tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar magħhom u jgħix fihom. Tabilħaqq, Ġesù huwa l-ewwel Difensur li jħobb lid-dixxipli tiegħu u jrid jibqa’ magħhom għal dejjem. Għalhekk iwiegħed li jitlob għad-dixxipli tiegħu sabiex, meta jmur lura għand il-Missier, Huwa jibgħatilhom Difensur ieħor biex jibqa’ magħhom għal dejjem. Dan ir-rigal tal-Missier Alla, l-Ispirtu tal-verità, ma jgħallimna xejn aktar milli għallimna Ġesù, iżda jħeġġeġ, idawwal u jiftaħ qlub id-dixxipli, jagħtihom l-għerf u l-qawwa biex jgħixu kelmet il-Mulej, u jħobbu bħalma jħobb Hu. L-Ispirtu Qaddis huwa l-mod ġdid li Ġesù huwa preżenti fi qlub id-dixxipli tiegħu. B’hekk, l-imħabba ta’ Alla tiddi fil-ħajja tad-dixxipli u jkunu xhieda tiegħu kull fejn ikunu

1. Ġesù tagħna l-Kelma biex inħarsuha, għalhekk huwa fundamentali li nixtarruha u nħalluha tagħmel l-għeruq fina. Kemm qed nimpenjaw ruħna biex nieqfu mal-Kelma u nħallu l-Ispirtu jdawwalna?

2. Qabel ma ngħidu li nħobbu lil Ġesù b’wiċċna minn quddiem, tajjeb nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex qed inpoġġu r-rieda tiegħu qabel ir-rieda tagħna.

3. Ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu li lkoll irċevejna fil-Magħmudija qed nagħtuh ċans jaħdem fina jew sakkarnih u nsejnih?

Talba

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Salm 51, 12-14

The post L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.