Hi għażlet l-aħjar sehem

Hi għażlet l-aħjar sehem

Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u kollok tjieba kattar fuqna d-doni tal-grazzja tiegħek, biex nitħeġġu fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba u nishru dejjem sal-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.
Ġen 18:1-10a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt”.

U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar”. U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu. U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?”. U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix”. U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 14(15):2-3ab,3ċd-4ab,5

R/.(1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. R/.

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem.
Lq 10:38-42

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

L-Ospitalità ta’ Marta, Marija u Abraham

Is-silta tal-Evanġelju kif ukoll l-ewwel qari meħud mill-Ġenesi jgħinuna niffukaw mhux biss fuq il-laqgħa tagħna ma’ Alla imma anke mal-oħrajn. Fl-Evanġelju naraw lil Marta u lil Marija jippreparaw u jilqgħu lill-ħabib tagħhom Ġesù. Naraw żewġ attitudnijiet. Marta tixtieq li kollox jkun ippreparat sew. Nifhmuha ħafna għax, meta tistieden lin-nies id-dar, trid tieħu ħsieb l-ikel, it-tindif, eċċ. Marija, minn naħa l-oħra, laqgħat lil Ġesù b’attitudni oħra: lesta li tisimgħu u toqgħod miegħu. Iċ-ċanfira li taqla’ Marta forsi nħossuha ftit iebsa. Wara kollox, kellha raġun għax donnu Marija ħalliet kollox f’idejha! Imma Ġesù permezz ta’ din iċ-ċanfira qed jgħinha tħares lejn l-affarijiet essenzjali ta’ meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd: ir-relazzjoni u l-ħin li tqatta’ miegħu. U din forsi wkoll hija tagħlima għalina waqt it-talb ta’ kuljum. Forsi ngħaddu ħafna ħin naqraw u nitolbu talb li nafu bl-amment mingħajr ma nieqfu fis-silenzju u nisimgħu Alla x’qed jipprova jgħidilna. Inħoss li forsi f’dan iż-żmien ta’ festi tista’ tkun ċanfira għalina ukoll: kemm enerġija qed naħlu fit-tiżjin, il-baned, il-murtali u l-marċi? U kemm ħin qed ngħaddu biex nibnu relazzjoni personali ma’ Kristu u mal-qaddis tar-raħal tagħna?

Is-silta tal-Ġenesi tmexxina pass oltre. Hawnhekk ukoll naraw lil Abraham, bħal Marta, iħabrek biex jilqa’ lil tlett irġiel bl-aħjar mod possibbli. Kienu tlett irġiel li ġew għall-għarrieda u Abraham, flimkien ma’ martu Sara, ħaslilhom saqajhom u ppreparalhom ikla tajba: ħobż, ħalib u għoġol tari. Interessanti li fl-ewwel vers tal-passaġġ nisimgħu l-kliem: “il-Mulej deher lil Abraham.” Iżda fit-tieni vers il-passaġġ jgħidilna: “u rafa’ għajnejh u ħares u ra tlett irġiel weqfin quddiemu.” Donnu il-kittieb ta’ dan il-passaġġ qed jgħidilna li l-Mulej deher lil Abraham fis-sura ta’ dawn it-tlett irġiel. L-ikona ta’ Rublev li ħafna minna nafuha bħala tat-Trinità hija fil-fatt l-‘Ospitalità ta’ Abraham’. Donnu il-kittieb qed jgħidilna li lil Alla nsibuh meta nilqgħu lil dawk li jiġu għandna bla ħsieb—mhux dawk li huma ta’ ġewwa, jew sħabek, imma dawk li lanqas biss taf. U permezz tagħhom Alla jkellmek.

Dawn is-siltiet ma jistgħux ma jfakkruniex fil-messaġġ ewlieni tal-Papa Franġisku fostna ftit xhur ilu. Forsi xi ftit jew wisq kien ċanfira bħal ta’ Ġesù: aħna kemm qed nilqgħu lill-barrani fostna bi ħlewwa liema bħalha? Forsi ninsew li permezz tal-ospitalità, mhux biss bl-għajnuna materjali imma wisq aktar billi niltaqgħu mal-persuni u nibnu relazzjoni, nistgħu niltaqgħu aktar fil-fond ma’ Kristu? 

Talba

Mulej, agħmel li qalbna tkun miftuħa, lesta biex tiltaqa’ miegħek. Agħmel li qalbna tkun miftuħa għalik li tiġi tiltaqa’ magħna għall-għarrieda f’persuni oħra.

The post Hi għażlet l-aħjar sehem appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.