Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

It-Tmintax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul

Kolletta

Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kulma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

X’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa?
Qoħ 1:2; 2:21-2

Qari mill-Ktieb ta’ Qoħelet

O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet.
O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!
Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess,
ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih.
Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar.
Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx?
Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda u lanqas billejl ma jserraħ rasu.
Dan ukoll hu frugħa!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 89(90):3-4,5-6,12-13,14,17

R/.(1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.
Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.
Kol 3:1-5,9-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu, u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5:3

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.

Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?
Lq 12:13-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.

U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel’, qal, “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Kemm jirsisti u jitħabat il-bniedem biex iwettaq il-ħolm u x-xewqat ta’ ħajtu?

Kemm jistinka u jaħdem anke b’detriment għar-relazzjoni ma’ ta’ madwaru u mal-Mulej?

Fuq Facebook illum rajt ritratt ta’ ħabiba tiegħi li flimkien għaddejna sentejn ta’ formazzjoni. Ħadt xokk xħin qrajt li ħalliet din id-dinja ħabta u sabta.

Miskin hu il-bniedem li jaħseb li ser jibqa’ jgħix għal dejjem u jiggranfa mal-ġid ftit jew wisq daqs li kieku ser jieħdu miegħu wara mewtu.

Il-Ktieb ta’ Qoholet jgħidilna: “Kollox frugha!”
Is-Salm jgħidilna: “Int treġġa’ l-bniedem lejn it-trab…”

San Pawl lill-Kolossin jiktbilhom: “Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema mhux f’dawk tal-art.”

Fl-Evanġelju skont San Luqa, Ġesù jgħidilna: “Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih nnifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

Nistagħna quddiem Alla kull darba li l-att konkrett tiegħi ta’ mħabba jmur favur min hu fil-bżonn. Jistagħnew quddiem Alla dawk kollha li daru b’dawk li kienu jew għadhom kwarantina u ħadu ħsieb iċemplulhom biex joffru l-għajnuna billi marru jaqduhom jew saħansitra ħadulhom l-ikel imsajjar wara biebhom.

Tistgħana quddiem Alla dik il-persuna li daret bil-ħabiba tagħha sal-aħħar nifs. Tistagħna quddiem Alla kull darba li tisma’ persuna mtaqqla b’xi saram f’ħajjitha u tħalliha tiftaħ qalbha sakemm tistrieħ. Tistagħna quddiem Alla kull darba li tħobb u taqdi senza interessi.

San Pawl lil Kolossin kitbilhom: “Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema mhux dawk tal-art.” Kemm għandna x’jiddistrattana milli naħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema! Aktar ma jkollna distrazzjonijiet aktar irridu niggranfaw mal-Mulej. U madwarna għandna eżempji lejn xiex inħarsu: reliġjużi u lajċi li qed jiddedikaw ħajjithom biex jassistu l-immigranti jew il-priġunieri; jew persuni morda li, minkejja l-mard tagħhom, b’kuraġġ jieqfu ma’ tant morda oħrajn bħalhom. Kemm kien hawn u għad hawn Maltin fostna li għarfu jpoġġu fil-prattika dan li qed jitlob Ġesù f’dan il-Evanġelju biex nistagħnew quddiem Alla u niftħu għajnejna u nħarsu ruħna minn kull regħba.

Talba

Mulej, agħtini d-dehen ħa nagħraf dak kollu li hu fieragħ fil-ħajja tiegħi. Fakkarni li jien maħluq għal ħajja ferm ogħla minn dak li offrietli d-dinja s’issa. Iftaħli qalbi u moħi biex naħseb fil-ħwejjeġ tas-sema li tant ifarrġuni. Agħtini l-grazzji li nfittex biex nistagħna quddiemek biss.​

The post Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu? appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.