Is-sliem lil din id-dar

Is-sliem lil din id-dar

L-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara.
Iż 66:10-14ċ


Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,
intom ilkoll ħbieb tagħha!
Aqbżu bil-ferħ,
intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha!
Hekk intom terdgħu u tixbgħu
minn sider il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.
Għaliex dan jgħid il-Mulej:
“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.
Bħalma omm tfarraġ lil binha,
hekk jiena nfarraġ lilkom
u f’Ġerusalemm titfarrġu.
Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 65(66):1-3a,4-5,6-7a,16,20

R/.(1): Għajtu bil-ferħ lil Alla.

Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!”. R/.

“L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.

Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem! R/.

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.

Jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu.
Gal 6:14-18

Għeluq tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla. Mil-lum ’il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Amen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Kol 3:15a,16a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;
ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.
R/. Hallelujah.

Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10:1-12,17-20

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.

Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: ‘Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet’. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.

It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10:1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Il-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelji hu kliem li jagħti l-ħajja. Meta naqrawh, inkunu qed ngħixuh, inkunu qed inħallu l-Ispirtu s-Santu jdaħħalna fil-preżenza ta’ Ġesù u nirċievu mingħandu l-ħajja.

F’dan id-diskors li bih qed jibgħat 72 dixxiplu biex jippreparaw it-triq għalih, Ġesù juri x’atteġġjament għandna mmorru bih fil-missjoni tagħna bħala dixxipli tiegħu (tkun xi tkun il-missjoni) u x’għandu jkun il-messaġġ u l-frott tal-missjoni. L-atteġġjament hu ta’ umiltà (fuq l-eżempju tiegħu stess). Din tintwera billi ma jkollna l-ebda rabta mal-ġid tal-art, l-ebda dipendenza fuq il-ġid materjali u fiduċju sħiħa fil-providenza tal-Missier.

Il-messaġġ hu “Is-Saltna ta’ Alla waslet,” u dan jintwera bil-fejqan tal-mard fiżiku. Dan ifisser li d-dixxipli tal-Mulej għandhom jistennew li l-missjoni tagħhom tkun imwettqa permezz ta’ għemejjel sopranaturali. L-Ispirtu jqassam doni sopranaturali lid-dixxipli ta’ Ġesù li jxandru s-Saltna ta’ Alla. Il-frott jarawh id-dixxipli li jissorprendihom il-fatt li għall-isem ta’ Ġesù anki l-ispirti ħżiena jkollhom jobdu.

Finalment, Ġesù juri x’inhu l-veru ferħ tad-dixxiplu, il-veru suċċess: li isimhom hu miktub fis-smewwiet.

Aħna nqisu lilna nfusna dixxipli tal-Mulej Ġesù li jafdalna t-tixrid tas-Saltna tiegħu? Jekk iva, qed nippruvaw nagħmlu dan bl-għerf u l-ħiliet tagħna biss jew nafdaw fid-doni sopranaturali li jagħtina l-Ispirtu s-Santu?

Talba

Missier Qaddis, nitolbuk tagħtina l-grazzja biex inkunu dejjem dixxipli awtentiċi, leali, u bis-sħiħ impenjati ta’ Ibnek Ġesù Kristu, bil-Missierna, grazzi li għamiltna ambaxxaturi tal-imħabba tiegħek li teħles u tfejjaq. Agħtina fidi fl-Ispirtu s-Santu biex inwettqu l-missjoni li jagħtina Ibnek Ġesù Sidna. Nitolbuk dan f’isem Ibnek Ġesù. Grazzi ħafna, Missier. 

Ammen

The post Is-sliem lil din id-dar appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.