Itolbu u jingħatalkom

Itolbu u jingħatalkom

Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, li tħares lil min jittama fik, mingħajrek xejn ma jiswa, xejn ma hu qaddis; kattar fuqna l-ħniena tiegħek, u kun int li taħkem fuqna u tmexxina, ħalli ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi hekk li nagħrfu norbtu ruħna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. ​

Ammen.

La tagħdabx, Sidi, jekk nitkellem.
Ġen 18:20-32

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien il-Mulej qal: “L-għajta ta’ Sodoma u Gomorra hi tassew qawwija, u t-toqol ta’ dnubhom hu kbir. U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf”.

Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham. Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja”. U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom”. Wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?”. U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin”.

Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin?”. U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin”. Qal Abraham: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?”. U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin”. U raġa’ qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?”. U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin”. U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?”. U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,6-7ab,7ċ-8

R/.(3a): Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti;
terfa’ idek kontra l-għedewwa tiegħi. R/.

Il-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk! R/.

Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha.
Kol 2:12-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, intom indfintu ma’ Kristu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet. Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Rum 8:15bċ

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;
u li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abbà! Missier!
R/. Hallelujah.

Itolbu u jingħatalkom.
Lq 11:1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:

‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib’.

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih’. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik’. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

It-tema prinċipali tal-Evanġelju hija t-Talb. Hija tema bi tliet friegħi: it-talb bħala relazzjoni; Alla li jixtiqilna l-ġid, u allura l-providenza tiegħu; il-perseveranza fit-talb.

L-appostli indunaw mir-relazzjoni qawwija li Ġesù kellu ma’ Alla l-Missier, u riduh jgħallimhom kif huma wkoll ikollhom din ir-relazzjoni. Riedu li huma wkoll jikbru fir-relazzjoni ma’ Alla l-Missier. Għalhekk talbuh jgħallimhom jitolbu.

– La qegħdin nitolbu lill-Missier u aħna wliedu, mela lkoll flimkien irridu naħdmu għall-paċi, għal Saltnatu, kemm fuq livell personali, bit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħna miegħu, u kif ukoll fuq livell universali.

– Il-għajxien, il-providenza ta’ Alla ma tonqos qatt. Fid-dinja nafu li hawn ikel għal kulħadd, imma mhux kulħadd qiegħed jiekol. Kif jista’ jkun li jkollna relazzjoni tajba ma’ Alla u mbagħad ngħumu fl-individwaliżmu u fl-egoiżmu? Ugwaljanza mingħajr ekwità ma tħallix frott mixtieq.

Il-maħfra l-akbar sfida tal-Kristjan. Jekk tixtieq li tiġi maħfur, għaliex ma taħfirx?

– Lejn l-aħħar insibu kliem ta’ fiduċja għal għajnuna, għal ħniena, għall-grazzja Tiegħu f’mumenti fejn bil-libertà tagħna nidħlu fit-tiġrib.

Il-Missierna, talba li tgħallimnieha sa minn ċkunitna, hija talba relazzjonali; talba li xħin taħseb fuqha titlob impenn qawwi minna l-Insara. Hija talba li titlob fidi u ħafna fiduċja.

Ġieli nisimgħu, “Xbajt nitlob,” “Għalxejn nitlob,” jew “Alla nesini,” “Alla jagħti lil min irid,” “ilni nitlob u ma naqlax.” Kliem bħal dan u ieħor simili iġegħilni naħseb: imma kif għad hawn min jaħseb li t-talb huwa xi bakketta maġika? Kif għad hawn min jaħseb li lil Alla nixtruh billi nixgħellu li erba’ xemgħat … donnu rridu nħallsuh qabel!!!

Aħna nitolbu dak li naħsbu li hu tajjeb għalina fil-ħin li aħna naħsbu li hu tajjeb. Alla jara fil-bogħod bil-wisq aktar minna. Hu jaf eżatt x’għandna bżonn u meta. Nemmnu li ż-żmien (timing) tal-Mulej huwa wisq differenti minn tagħna? Aħna nitolbu, nitkellmu, niddjalogaw ma’ Alla għaliex hekk jagħmlu l-ulied, il-ħbieb ma’ min iħobbhom: jiddjalogaw u jiftħu qalbhom bl-akbar fiduċja għax jemmnu li ma’ min qegħdin jitkellmu jixtieqilhom il-ġid, jemmnu fl-imħabba bla qies ta’ min qed jismagħhom.

Intom taħsbu li Missierna li huwa fis-smewwiet se jagħtina xi ħaġa li mhix tajba għalina, fil-ħin/żmien li għandna bżonnha? Mulej, kattar fina l-Fidi … fiduċja!

Tema oħra li torbot dan kollu hija l-perseveranza fit-talb: li nibqgħu nitolbu, mhux għax Alla jrid jumiljana jew jinkina, imma għaliex meta titlob qiegħed tħobb, qiegħed iġġedded ir-relazzjoni, u Alla jridna ma naqtgħux qalbna, ma niddubitawx minn imħabbtu, imma jridna nkomplu niddjalogaw miegħu, għax imħabbtu hija immensa. It-talb, li huwa att ta’ mħabba, ma jbiddilx lil Alla li huwa l-istess imħabba, imma jbiddel lilna. Taqtax qalbek … ibqa’ miexi, ibqa’ ħobb.

The post Itolbu u jingħatalkom appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.