L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Kolletta
Ħares lejna, o Alla, li toħloq u tmexxi kollox, u agħtina li naqduk b’qalbna kollha biex inġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Il-messaġġ li trid twasslilna l-Kelma ta’ Alla f’dan l-Erbgħa u Għoxrin Ħadd huwa l-ħniena u l-imħabba eterna u infinita ta’ Alla l-Missier. F’Kapitlu 15 tal-Evanġelju skont San Luqa—imsejjaħ l-Evanġelista tal-ħniena u l-maħfra—insibu t-tweġiba ta’ Ġesù lill-Fariżej i kienu dejjem jilmentaw għax kienu jarawh ikellem lill-pubblikani u midinbin oħra, bħal donnhom jgħiru għalih għax dawn kienu jfittxuh u jisimgħu kliemu.
It-tliet tixbihat li jsemmi Ġesù huma tliet ġawhriet fl-Evanġelju skont San Luqa, l-isbaħ xhieda tal-ħniena u l-imħabba ta’ Alla li mhux biss jilqa’ ’l-midneb u jaħfirlu, imma jmur hu stess ifittxu u jifraħ bih meta jarah ġej lura għandu. Il-ferħ tar-ragħaj li meta jsib in-nagħġa l-mitlufa jmur jifraħ mal-ħbieb tiegħu jurina l-ferħ ta’ Alla fis-sema għal midneb li jdur lejh. L-istess naraw fil-ferħ tal-mara meta ssib il-munita l-mitlufa. It-tielet parabbola hi Evanġelju fih innifsu għax tagħtina l-aħbar it-tajba li Alla dejjem lest jaħfrilna meta nitbiegħdu minnu u nerġgħu lura sogħbiena. Din l-istorja tal-missier u ż-żewġ uliedu fiha diversi tagħlimiet.
It-tifel iż-żgħir irid il-libertà mill-missier u jfittex it-tgawdija tal-ħajja. Imma din il-libertà tinbidel f’libertinaġġ u li ssarraf f’jasar. L-esperjenza ’l bogħod mill-missier tneħħilu l-ħolm kollu li kellu. Bħalu jiġrilna meta x-xitan l-ewwel jagħmina u mbagħad idoqq it-trumbetta bina, imma bħalu jeħtieġ li nqumu u mmorru lura għand il-Missier. U l-missier mhux talli jkun lest biex jilqgħu, talli “b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu,” ma jilmentax imma jagħmillu festa. L-istess jimxi magħna Alla meta nuru l-inqas ħjiel ta’ ndiema. Hemm ukoll l-esperjenza tal-iben il-kbir li ma telaqx mid-dar imma xorta waħda ma kienx qrib missieru—għalih kien biss is-sid. Lil ħuh ma jsejjaħlux “ħija” imma jirreferi għalih bħala “dan ibnek.” Imma l-missier joħroġ ukoll biex jiltaqa’ ma’ ibnu l-kbir. Jista’ jkun li aħna nkunu viċin ta’ Alla u naqdu d-doveri tagħna ta’ nsara, imma jista’ jiġri wkoll li f’qalbna nkunu ’l bogħod minnu. Iktar milli nqisuh bħala xi ħadd li rridu nogħġbuh, iktar jeħtieġ li nħarsu lejh bħala l-Missier li jħobbna, u nħarsu lejn ħutna bħala aħwa maħbuba.
Talba
Mulej, nitolbuk biex ma naqtgħux qalbna mill-ħniena tiegħek imma jkollna dejjem il-kuraġġ li nerġgħu lura għandek. “Sinjur Alla, jien għandi fiduċja kbira fik, xħin nosserba li missier ta’ din l-art ma jafx ikeċċi l-iben ingrat tiegħu”.
San Ġorġ Preca, Ħames Minuti fis-Santwarju
The post Ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem appeared first on Behold.
Ikkummenta