Kieku kellkom fidi

Kieku kellkom fidi

Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti tfawwar tjubitek fuq dawk li jitolbuk u tagħtihom aktar milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ; xerred fuqna l-ħniena tiegħek, billi taħfrilna kulma jbeżżagħna fil-kuxjenza tagħna u tagħtina dak li ma għandniex ħila nitolbuk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.
Ħab 1:2-3; 2:2-4

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakuk

Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna
u int ma tismax,
jew ngħajjat: “Vjolenza!”
u int ma ssalvax?
Għaliex turini l-ħażen,
u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?
Quddiemi qerda u vjolenza,
hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.
Imbagħad il-Mulej wieġeb u qalli:
“Ikteb id-dehra,
onqoxha fuq tavlozzi,
hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.
Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,
tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx.
Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,
għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!
Arah jinfena min mhux ruħu sewwa,
iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 94(95):1-2,6-7,8-9

R/. (ara 8): Isimgħu leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom.

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

Tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna.
2 Tim 1:6-8,13-14

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja; għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan. Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla. Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Ħares bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f’idejk.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Piet 1:25

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem:
din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.
R. Hallelujah.

Kieku kellkom fidi.
Lq 17:5-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom.

Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

“Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (v. 10). Nistgħu naslu biex nagħmlu din l-istqarrija mingħajr fidi?

Il-fidi hija r-risposta tad-dixxiplu għall-imħabba tal-Imgħallem. Mhux ta’ b’xejn li aktar ma kienu qed jagħmluha mal-Mulej, aktar l-appostli bdew jintebħu li ma setgħux ikunu dixxipli awtentiċi tiegħu mingħajr fidi. L-appostli bdew jagħrfu d-dgħjufija tagħhom quddiem il-Mulej Ġesù: nixtiequ nagħmlu dak li qed titlob minna, imma jidher diffiċli wisq għalina, “Kattar fina l-fidi!” L-appostli għamlu din it-talba lil Ġesù proprju wara li qalilhom, “Jekk ħuk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu” (Lq 17, 4). Din mhux għalina wkoll tidher diffiċli? Mela aħna qaddisin?

“Kieku kellkom fidi …” (v.6). Minn dawk li jridu jimxu warajh bis-serjetà, Ġesù jitlob li jkollhom il-fidi u jisħaq li, minkejja li tkun ċkejkna “mqar daqs żerriegħa tal-mustarda,” il-fidi għandha l-qawwa li tagħmel ħwejjeġ kbar u li jidhru impossibbli, saħansitra li tqaċċat siġra tat-tut mill-għeruq u tibgħatha titħawwel fil-baħar. Tabilħaqq li l-fidi nistgħu nxebbhuha ma’ żerriegħa li meta tinżera’ għandha l-potenzjal li tikber u tagħmel il-frott. Tajjeb inżommu f’moħħna li l-fidi hija dejjem rigal li jingħatalna iżda rridu nkunu aħna li niftħu dan ir-rigal u nieħdu ħsiebu filwaqt li nħaddmuh. Jeħtieġ li ż-żerriegħa tal-fidi li nżergħet fina fil-Magħmudija, insaqquha bl-ilma ħaj biex tagħmel ħwejjeġ kbar kif jgħidilna Ġesù. Kemm qed infittxu li nibnu relazzjoni ta’ fiduċja u mħabba mal-Mulej permezz tat-talb, is-smigħ tal-Kelma u ħin fis-skiet miegħu?

Il-ħajja nisranija hija mixja ta’ fidi li tissarraf f’ħajja ta’ qadi u servizz. Li taqdi tfisser tħobb, u Kristu proprju ġie fid-dinja bħala l-qaddej umli u jitlob mid-dixxipli tiegħu li jagħmlu dak li għamel hu. Ġesù jgħidilna, “meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu’” (v. 10). Ġesù mhux qed jgħidilna li s-servizz li aħna nagħtu ma jiswa xejn, imma li nħalluh f’idejh biex iqassmu u jkattru. Fid-dawl ta’ Kristu aħna nagħrfu li aħna qaddejja umli tal-Mulej u s-servizz li aħna nagħtu ma nistennew xejn tiegħu għax permezz tiegħu nkunu biss ħarisna l-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. X’inhu dak li qed iżommna milli nħobbu mingħajr ma nistennew xejn lura?

Talba

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Salm 116, 16-17

The post Kieku kellkom fidi appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.