Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus

Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus

Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla, int ġbart id-digrieti kollha tal-liġi mqaddsa fil-kmandament tal-imħabba tiegħek u tal-proxxmu; agħmel li aħna nħarsu l-preċetti tiegħek, biex jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-Mulej kontra dawk li jixtru bil-flus il-foqra.
Għam 8:4-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

Il-Mulej qalli: “Isimgħu dan,
intom li tikkalpestaw l-imsejken,
intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,
u tgħidu: ‘Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,
ħa nbigħu l-qamħ?
Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir,
inċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,
u nqarrqu b’miżien falz,
nixtru bil-flus il-foqra,
u b’żewġt iqrieq l-imsejken?
Inbigħu sal-karfa tal-qamħ’”.
Il-Mulej ħalef bil-foħrija ta’ Ġakobb:
“Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 112(113):1-2,4-6,7-8

R/. (ara 1a u 7b): Faħħru lill-Mulej, li jerfa’ l-fqir.

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun isem il-Mulej imbierek,
minn issa u għal dejjem! R/.

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fl-għoli,
u li jħares ’l isfel,
lejn is-smewwiet u lejn l-art? R/.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken,
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu,
mal-kbarat tal-poplu tiegħu. R/.

Itolbu għall-bnedmin kollha, għax Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw.
1 Tim 2:1-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, nitolbok l-ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq. Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.

Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta’ dan ngħatat f’waqtha. Hu għal dan li jien kont magħmul xandâr u appostlu – qiegħed ngħid is-sewwa, m’iniex nigdeb – biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità. Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja bla għadab u bla ġlied.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 8:9

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
R. Hallelujah.

Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Lq 16:1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi’. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu’.

U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’, staqsa lill-ewwel wieħed. ‘Mitt barmil żejt’, wieġbu dak. Qallu l-amministratur: ‘Oħroġ il-karti tiegħek, oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin’. Lil ieħor staqsieh: ‘U int, kemm għandek tagħti?’. ‘Mitt xkora qamħ’, wieġbu. Qallu: ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin’.

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.

Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Lq 16:10-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Wara li l-Ħadd li għadda, fi triqtu lejn Ġerusalemm, Ġesù jindirizza dawk t-tliet parabboli tal-ħniena lill-Fariżej bħala risposta għall-kritika tagħhom li fil-ministeru tiegħu kien jilqa’ u jitħallat mal-midinbin pubbliċi, immedjatament wara Ġesù jerġa’ jindirizza lid-dixxipli tiegħu b’diskors li, jekk tkun qed tisimgħu għall-ewwel darba, faċli tgħid, “Imma dan x’tah Ġesù llum? Possibbli qed jitkellem hekk?”

Biex nibdew nifhmu ftit ftit dan id-diskors kemxejn stramb fl-ewwel versi ta’ kapitlu sittax tal-Evanġelju skont San Luqa, tajjeb nirrealizzaw li mhuwiex daqstant imbiegħed minn dak li nsibu li Ġesù qal fiż-żewġ kapitli ta’ qabel li qrajna minnhom fiż-żewġt iħdud li għaddew, mhux biss għax il-kuntest fejn iseħħ id-diskors huwa l-istess wieħed—jiġifieri fi triq Ġesù lejn Ġerusalemm fejn sejjer jagħti ħajtu għalina—imma anke għax insibu għadd ta’ temi u kliem komuni, liema kliem se jgħinna nifhmu aħjar il-messaġġ attwali imma mpoġġi fi kliem stramb tal-Evanġelju tal-lum.

L-ewwel nett, insibu t-tema komuni tal-ġid, fejn żewġt iħdud ilu, Ġesù jgħid li ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħu jekk ma jitlaqx ġidu kollu, u illum Ġesù jitkellem dwar dak l-amministratur li kien qiegħed iberbaq il-ġid tas-sinjur tiegħu—l-istess kif il-Ħadd li għadda, fil-parabbola tal-iben il-ħali, rajna lill-iben iż-żgħir iberbaq is-sehem tiegħu ta’ ġid missieru. U għalhekk, illum dlonk niġu mfakkra li l-ġid kollu li bħala bnedmin li ngħixu f’soċjetà mibnija fuq il-kummerċ żgur se jkollna namministraw b’xi mod jew ieħor, sew jekk għall-familja tagħna u sew jekk hu l-ġid ta’ ħaddieħor fix-xogħol tagħna jew kariga oħra pubblika jew fil-Knisja, dan il-ġid qatt mhu tagħna personali imma hu dejjem fdat f’idejna—anke l-ġid personali tagħna hu misluf lilna, fdat f’idejna biex inħaddmuh b’għaqal.

U hawn jiġi paragun ieħor, din id-darba ma’ kapitlu tnax tal-istess Evanġelju skont San Luqa, fejn Ġesù jitkellem dwar dak il-qaddej tassew għaqli li s-sid jafdalu f’idejh il-ġid kollu ta’ daru. Iżda dakinhar Ġesù wissa wkoll li, jekk dan il-qaddej jitlef għaqlu u jibda jaħqar lill-qaddejja l-oħra sħabu u jagħtiha għax-xorb u s-sokor (u wieħed jista’ jassumi li kien qiegħed jixrob minn fuq dar ġid is-sid tiegħu, u appuntu jberbaqlu ġidu), tiġi s-siegħa fejn is-sid jirritorna lura d-dar f’ħin mhux mistenni u jagħmel ħaqq minn dan il-qaddej (ara Lq 12, 41-46)—l-istess bħalma l-qaddej tal-Evanġelju tal-lum jitkeċċa mill-pożizzjoni ta’ fiduċja tiegħu.

X’inhi r-risposta aħħarija ta’ Ġesù? “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” Il-ġid huwa importanti u għandu l-użu tiegħu, u jeħtieġ inkunu għaqlin fit-tħaddim tiegħu, mingħajr ma nħallu lil ħadd jidħaq bina jew jgħaddina biż-żmien, imma fl-istess waqt mingħajr ma jsir Alla tagħna. Għax bħalma ħadd ma jista’ jkun dixxiplu ta’ Ġesù “jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu” (Lq 14, 26), hekk ukoll, “ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor.” Nerġgħu niltaqgħu mal-kelma qawwija “jobgħod”: għax il-punt li fih il-flus isiru alla tagħna, Alla jċedi postu u nsibu ruħna ’l barra mis-Saltna ta’ Alla, ’il bogħod mid-dar tal-Missier, mixtieqa li mqar nixbgħu bl-ikel tal-qżieqeż daqs kemm naqgħu fil-baxx.

Talba

Mulej Ġesù, agħmel li nkunu fidili fil-qadi ta’ dmirijietna fis-soċjetà u fit-tħaddim tal-ġid fdat f’idejna, sabiex ikun jistħoqqilna l-ġid veru, li tagħna tkun is-Saltna ta’ Alla, kif wegħidt fid-diskors tal-barkiet tiegħek: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla”

Lq 6, 20

The post Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.