Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek

Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek

Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu
Solennità

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.
2 Sam 5:1-3

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: ‘Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael’”.

U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 121(122):1-2,4-5

R/.(ara 1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej.

Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”.
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.

Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.

Daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub.
Kol 1:12-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji
li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam,
u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub,
li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.
Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 11:9,10

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!
R. Hallelujah.

Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.
Lq 23:35-43

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Immaġina li kont wieħed mill-mislubin ma’ Ġesù u għidli f’liema garigor ta’ moħħok ifaqqaslek li ddur fuq ta’ ħdejk, miżerabbli bħalek—jekk mhux iktar minnek, għax inti ċuċ kwalunkwe u hu kien rabbi magħruf u mfittex għall-qawwa ta’ kliemu u s-setgħa ta’ għemilu—u tasal tagħmel talba li fl-istess ħin hija stqarrija kuraġġuża li min hemm minxur bħalek fin-nofs hu Alla: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.”

U hija diffiċli li timmaġinaha għax nafu kif inħossuna meta imġarrbin bil-mard, mifnija bil-problemi tal-familja li jinqalgħu ta’ kuljum u li b’xi mod trid issolvihom. Insibuha diffiċli f’dinja f’xifer ta’ gwerra mondjali oħra. Insibuha diffiċli fi Knisja umiljata minn uliedha stess—Knisja li, xi kultant bħal Kristu u sħabu mislubin miegħu, qed tħallik bla mkien fejn tistkenn, lanqas fl-imrammi sodi tal-verità li, minkejja xi kultant tweġġa’ u tniggeż, imma kienet għadha wieqfa hemm u stajt tissara jew tiggranfa magħha. Insibuha diffiċli f’soċjetà fejn il-politika hija sempliċi logħba manipulattiva u mhux miġġielda fuq il-front ta’ ideali sodi li, minkejja li xi minn daqqiet kienu jaħbtu ma’ xulxin, kienu jagħtu direzzjoni ċara lil min iħaddan dak l-ideal. Hija diffiċli f’soċjetà fejn lit-tfal u ż-żgħażagħ m’għadniex noffrulhom mudelli ta’ adulti li jispirawhom sabiex huma wkoll jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom, imma minflok qed inħalluhom jiġu influwenzati minn influencers li saru allat fl-injoranza tagħhom. Kif tista’ f’din ir-realtà daqshekk kruda tibqa’ temmen u tagħmel att ta’ fiduċja bħal dak li jagħmel dan il-ħalliel li, wara dak kollu li għamel—forsi wkoll konsegwenza ta’ dinja li tatu bis-sieq u allura sab il-kenn fil-vjolenza—jasal li jipprova jagħmel l-aħħar tentattiv biex jisraq biljett tad-dħul għall-ġenna proprju fil-mument li għalih kien l-infern l-iktar estrem ta’ tbatija u umiljazzjoni?

Ma nafx kif wasal għal din il-qabża ta’ fidi meta kulħadd madwaru kien qed jixhed bil-kontra u jiżżufjetta bis-Sultan mislub. Li naf hu li, bħala nsara, hu mistenni minna dan l-att ta’ fidi: li nibqgħu nsejħu isem il-Mulej meta jidher tellief quddiem il-ħażen tad-dinja, jew saħansitra meta jagħżel li jaħbi wiċċu minna bħal donnu mhuwiex hemm; li nibqgħu nfaħħruh meta nkunu kważi wasalna fl-estrem tad-dagħa; li nibqgħu nemmnu li hu Sultan, li teżisti Saltna li mhijiex bħal ta’ din id-dinja meta fl-istrata kollha tas-soċjetà tagħna jsaltnu l-qerq u l-korruzzjoni; li, wkoll jekk bid-dmugħ f’għajnejna u b’leħinna fgat minħabba l-problemi u l-ħajja ta’ ġenn u kollha ansjetà li qed ngħixu, xorta waħda nibqgħu nduru lejh u nitolbuh, “Ġesù, ftakar fija”—u din tkun l-aħħar tama tiegħek u l-aħħar kelmiet li għad għandek is-saħħa tlissin.

Il-konsolazzjoni hi li xi darba dak li lilu tlissnet din il-karba kien mislub bħalek. U, minkejja li issa m’għadux fuq il-Golgota, għadu jġorr f’ġismu l-marki tal-imsiemer u l-lanza minkejja li issa għandu ġisem glorjuż. Nistgħu nitfarrġu għax ta’ kuljum, madwar id-dinja kollha, għadu jiġġedded dan l-istess sagrifiċċju tal-Kalvarju biex, mhux biss aħna niftakru fih, imma wkoll Hu jurina li ma nesiniex u ma telaqniex waħedna.

Talba

Ġesù, ftakar fija minn fejn qiegħed issaltan rebbieħ. Sakemm nibqa’ ntenni din il-karba, l-infern li fih qed ngħix mhuwiex se jegħlibni imma se jsir għalija salvazzjoni għax kien fih li inti nżilt biex tifdina. Il-kont ġa ħallastu kollu u baqa’ ħafna iktar ukoll. Għalhekk, agħtina l-grazzja li, kif ninsab mislub, inħalli ’l ħajti tieħu l-istess forma tiegħek bħalma inti ftaħt idejk beraħ biex tieħu l-forma tagħna.

Ammen

The post Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.