Ġesù huma l-ħajja ta’ dejjem

Ġesù huma l-ħajja ta’ dejjem

Il-Ħames Ħadd tar-Randan Sena A

Kolletta

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna; agħtina l-għajnuna tiegħek biex, bil-ħeġġa kollha ta’ qlubna, ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek meta kien mogħti għall-mewt għalina. Hu, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. 

Ammen.

Inqiegħed ruħi fikom u terġgħu tieħdu l-ħajja.
Eżek 37, 12-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Hekk qal Sidi l-Mulej: “Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael. Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Inqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel”. Oraklu tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.4c-6.7-8

R/. (7): Għand il-Mulej hemm it-tjieba

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.

Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.

Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha. R/.

L-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom.
Rum 8, 8-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara Ġw 11, 25a.26

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;
kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jien hu l-qawmien u l-ħajja.
Ġw 11, 1-45

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, 1kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.

Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.

Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Jien hu l-qawmien u l-ħajja.
Ġw 11, 3-7.17.20-27.33b-45

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, ħut Lażżru bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”. Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen ija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”. Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

F’dan il-Ħames Ħadd tar-Randan, il-Liturġija tal-Kelma tistedinna sabiex nagħrfu lil Ġesù bħala dak li hu il-Ħajja ta’ dejjem. It-temi tal-ħajja u l-mewt huma qawwija ħafna fis-silta tal-Evanġelju fejn San Ġwann li jirrakkonta l-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. 

Dan ir-rakkont jiftaħ bl-aħbar li Lazzru ta’ Betanja, ħu Marta u Marija, il-ħabib ta’ Ġesù, kien marid. Iżda meta Marta tibgħat titolbu biex immur iżur lil Lazzru, Ġesù bħal donnu jibqa’ ma jagħmel xejn għax jgħid li din il-marda ma twassalx għall-mewt iżda ġrat biex tagħti glorja lil Alla. Madanakollu, wara jumejn Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex mill-Galilija jmorru l-Lhudija, il-post fejn Ġesù aktar tard ġie ttradut, ifflaġelat u msallab. Peress li d-dixxipli kienu jafu bil-periklu li l-Lhudija kienet tfisser għal Ġesù, ippruvaw jikkonvinċuh biex ma jmurx hemm, iżda Ġesù jerġa’ jippreżenta lilu nnifsu bħal d-dawl tal-ħajja, b’kuntrast mad-dlam ta’ dawk li kienu qed ifittxu li joqtluh. 

San Ġwann jgħidilna li meta wasal Ġesù Lazzru kien diġà ilu erbat ijiem mejjet. Fil-mentalità Lhudija, ir-raba’ jum ifisser li xi ħaġa saret definittiva. Lazzru tassew kien mejjet u allura s-“sinjal” tal-qawmien tiegħu minn Ġesù jsir aktar b’saħħtu. Bħas-sinjali—jew mirakli—l-oħra li jirrakkonta San Ġwann, l-iskop tiegħu kien li dawk li kienu xhieda tiegħu tikber il-fidi tagħhom f’Ġesù bħala l-Iben t’Alla. 

Din is-silta sservi wkoll bħala t-tema għat-tielet u l-aħħar skrutinju ta’ dawk magħżula sabiex jitgħammdu fil-Vġili tal-Għid. Fiż-żewġ skrutinji ta’ qabel, Ġesù ġie preżentat bħala l-Ilma tal-Ħajja li jaqta’ kull għatx (fir-rakkont tal-mara Samaritana) u bħala d-Dawl li ma jgħib qatt u li permezz tiegħu nagħrfu lill-Missier (fir-rakkont tar-raġel imwieled għama). Illum Ġesù qed jippreżenta ruħu mhux biss bħala dak li jġibilna l-ħajja imma dak li hu nnifsu hu l-Ħajja ta’ dejjem. 

Hemm ċertu elementi komuni bejn din is-silta u t-tnejn l-oħra li nqraw fiż-żewġ Ħdud ta’ qabel. F’din is-silta, il-protagonista hija Marta. Wara mumenti fejn fihom, bħal mara Samaritana u r-raġel imwieled għama, uriet nuqqas ta’ fidi f’Ġesù, hija bħalhom għamlet l-istqarrija ta’ fidi u għarfet lil Ġesù bħala “l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.” Wara din l-istqarrija, hija għarfet li ma setgħetx iżżomm dan għaliha u allura marret tiġri għand oħtha biex tiġi hi wkoll għand Ġesù.  

Din is-silta tmur lil hemm mill-qawmien ta’ Lazzru, li wara kollox reġa’ ra l-mewt iktar tard f’ħajtu. Il-vera tifsira ta’ din il-ġrajja hu li tippreżenta lil Ġesù bħala l-Ħajja ta’ dejjem. Il-fidi f’Ġesù teħodna lil hemm mill-ħajja fiżika li qed ngħixu u ddaħħalna f’realtà wisq ogħla. “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Min jemmen fija, mqar jekk imut ikollu l-ħajja, u kull min jgħix u jemmen fija dan ma jmut qatt.” Nemmnuh aħna dan? 

Talba

Mulej, tħallix li l-qawwa tal-mewt iżżomna lura imma biex, bil-fidi tagħna fik, aħna jkollna sehem mir-rebħa tal-Qawmien tiegħek. Ammen. 

The post Ġesù huma l-ħajja ta’ dejjem appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.