Wiċċu sar jiddi bħax-xemx

Wiċċu sar jiddi bħax-xemx

It-Tieni Ħadd tar-Randan Sena A

Kolletta

O Alla, li ridtna nisimgħu lil Ibnek l-għażiż, itmagħna bl-ikel tal-kelma tiegħek, u agħmel li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna ħalli nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Is-sejħa ta’ Abram, missier il-poplu ta’ Alla.
Ġen 12:1-4a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Abram:
“Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,
u minn dar missierek,
lejn l-art li jien nurik.
U jien nagħmlek ġens kbir,
inbierkek u nkabbarlek ismek,
u int tkun barka.
Jien inbierek lil min ibierkek,
u nisħet lil min jisħtek.
U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art”.
U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 32(33):4-5,18-19,20,22

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna.

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

Alla jsejħilna u jdawwalna.
2 Tim 1:8b-10

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9:7

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
“Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Wiċċu sar jiddi bħax-xemx.
Mt 17:1-9

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Waqt li qed inkomplu f’din il-mixja ta’ konverżjoni kontinwa matul dan ir-Randan, illum il-Liturġija tippreżentalna s-silta magħrufa bħala t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.

Wara li fl-Ewwel Ħadd tar-Randan lil Ġesù rajnieh fid-deżert jiġi ittantat mix-xitan, illum narawh fuq il-muntanja Tabor, fil-glorja kollha tiegħu flimkien ma’ Mosè u Elija.

L-Evanġelju skont San Mattew inkiteb primarjament għal komunità ta’ Lhud li kkonvertew u saru Nsara; madanakollu huma ma ċaħdux il-fidi u l-patrimonju Ġudajku tagħhom. Għaldaqstant, San Mattew jikteb l-Evanġelju tiegħu b’tali mod li Ġesù jidher bħala l-milja tal-wegħdiet kollha li Alla għamel lill-poplu Lhudi kif insibuhom fl-Antik Testment u allura kull element fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni għandu paralleliżmu ma’ elementi fir-Rabta l-Qadima.

Il-muntanja kienet dejjem il-post privileġġat fejn Alla jiltaqa’ mal-bniedem u jurih lilu nnifsu. Dan narawh, fost l-oħrajn, fil-laqgħat ta’ Alla ma’ Mosè u ma’ Elija fuq il-Muntanja Sinaj. Bit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq it-Tabor u bil-leħen li qal, “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu,” San Mattew ried jafferma lil Ġesù bħala l-Iben ta’ Alla.

Id-dehra ta’ Mosè u Elija flimkien ma’ Ġesù jirrappreżentaw lil-Liġi (Mosè) u lill-Profeti (Elija). Għal-Lhud, l-iktar żewġ taqsimiet importanti tal-Bibbja Lhudija (ekwivalenti għall-Antik Testment tagħna) huma t-Torah u l-kitbiet tal-Profeti. It-Torah, jew il-Liġi, hu magħmul mill-ewwel ħames kotba tal-Iskrittura li huma attribwiti lil Mosè. Fihom insibu l-liġijiet li l-poplu Lhudi kien mistenni josserva min-naħa tiegħu fil-patt li għamel ma’ Alla. Il-profeti kienu dawk li lill-poplu Lhudi kienu jiggwidawh kif għandu jibqa’ fidili għal dan il-patt. Iktar milli kienu jħabbru dak li ġej, il-profeti kienu jwissu lill-poplu meta kien jonqos mill-fedeltà tiegħu lejn Alla, u xogħol il-profeti kien dak li jreġġgħuhom lura fit-triq it-tajba billi jerġgħu jġeddu il-Patt tal-poplu ma’ Alla. Għaldaqstant, id-dehra ta’ Mosè u Elija ma’ Ġesù fuq it-Tabor kienet tfisser li kemm il-Liġi u kif ukoll il-Profeti sabu il-milja tagħhom f’Ġesù.

Bl-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, il-Liġi u l-Profeti ma baqgħux il-mezzi ewlenin li jiggwidawna fil-fedeltà tagħna lejn Alla. Issa sar Ġesù. Sabiex nifhmu dan hemm bżonn li nġarrbu dik li bil-Grieg jissejjaħ metanoia, jew bidla radikali fil-mentalità tagħna. Kif jgħid San Pawl lill-Timotju, “il-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa … dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.” Il-Liġi u l-Profeti huma mezzi effettivi f’din il-mixja tagħna ta’ konverżjoni sakemm dawn ikunu espressjoni tal-fidi tagħna f’Ġesù bħal s-Salvatur waħdieni tagħna.

Talba

Mulej, għallimna nagħrfuk dejjem aktar bħala l-Mulej tagħna u bħala l-unika Triq li twassalna għand il-Missier. Ammen.

The post Wiċċu sar jiddi bħax-xemx appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.