Ħudu l-Ispirtu s-Santu

Ħudu l-Ispirtu s-Santu

Għid il-Ħamsin

Kolletta

O Alla, bil-misteru tal-festa tal-lum inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu: sawwab id-doni tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor, u agħmel li issa wkoll iseħħ, fil-qalb ta’ kull min jemmen, dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 2, 1-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art
jew R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

Ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed.
1 Kor 12, 3b-7.12-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ħadd ma jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej!”. jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd. Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ. 

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.

Ammen. Hallelujah.

Veni, Sancte Spiritus,
et emitte caelitus
lucis tuae radium.

Veni, pater pauperum,
veni, dator munerum
veni, lumen cordium.

Consolator optime,
dulcis hospes animae,
dulce refrigerium.

In labore requies,
in aestu temperies
in fletu solacium.

O lux beatissima,
reple cordis intima
tuorum fidelium.

Sine tuo numine,
nihil est in homine,
nihil est innoxium.

Lava quod est sordidum,
riga quod est aridum,
sana quod est saucium.

Flecte quod est rigidum,
fove quod est frigidum,
rege quod est devium.

Da tuis fidelibus,
in te confidentibus,
sacrum septenarium.

Da virtutis meritum,
da salutis exitum,
da perenne gaudium,

Amen. Alleluia.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

Ħudu l-Ispirtu s-Santu.
Ġw 20, 19-23

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Illum il-Knisja tippreżentalna l-festa tal-għoti tal-Ispirtu s-Santu, Għid il-Ħamsin. Interessanti li l-Evanġelista San Ġwann jirrakkonta li din il-ġrajja seħħet dakinhar stess li Ġesù qam mill-imwiet, “Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa.” Fil-fatt, il-ġrajja tambjenta ruħha f’Ġerusalemm wara s-sejba tal-qabar vojt minn Marija ta’ Magdala, il-Ħadd filgħodu kmieni. Hi ħasbitu l-ġennien imma mbagħad għarfitu meta sejħilha b’isimha. Issa kien imiss lid-dixxipli li jiltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ … ukoll għal għarrieda, ukoll mhux mistennija.  

Għall-kuntrarju tal-Maddalena, id-dixxipli ma marrux ifittxuh huma ħdejn il-qabar. Anzi, l-Evanġelista jgħidilna li kienu mbeżżgħa, bil-bibien magħmluqa. Imma l-Mulej ifittixna u jiltaqa’ magħna proprju meta nkunu mbeżża’ … saħansitra bil-bibien magħluqa. Kemm hi sabiħa t-tislima li jtenni l-Mulej għal darba darbtejn: “Is-sliem għalikom!” Huwa jaf jagħti sliem li fih il-qalb tistrieħ. Ma jagħtiniex is-sliem li tagħti d-dinja. Għax is-sliem tad-dinja jisfaxxa fix-xejn imma s-sliem tiegħu jibqa’ għal dejjem. Ħallas għalih b’demmu stess: “kif qal hekk, urihom idejh u ġenbu.” 

Imbagħad il-Mulej nefaħ fuqhom u tahom il-wens li tant kellhom bżonn fil-qtigħ ta’ qalb tagħhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.” Permezz ta’ dan id-Difensur, il-Mulej kien magħhom u magħna. Permezz ta’ dan l-Ispirtu Qaddis li jgħammar fina, il-Mulej baqa’ magħhom u magħna. Ma ħalliniex iltima. 

Talba

Spirtu s-Santu, nissel fija: 

l-Għerf biex nara l-ħajja bl-għajnejn ta’ Alla; 

il-Fehma biex nifhem il-ġrajjiet ta’ madwari kif jifhimhom Alla; 

il-Kunsill biex nagħraf it-triq li għandi nimxi; 

il-Qawwa biex tweżinni fid-dgħufija tiegħi u quddiem it-tbatija; 

ix-Xjenza biex napprezza il-kobor ta’ Alla u l-imħabba tiegħu għal kull ħlejqa; 

il-Pjetà biex ikolli qalb ħelwa u umli bħal dik ta’ Ġesu`

il-Biża’ ta’ Alla biex b’fiduċja nintelaq f’idejn Alla għax hu Missier twajjeb li jħobbni. 

Ammen. 

The post Ħudu l-Ispirtu s-Santu appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.