It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
Nitolbuk, Mulej, Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Fl-Evanġelju tat-Tlieta u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena l-Knisja tippreżentalna l-parabbola tas-Sid li jsiefer u t-talenti li hu ta lill-ħaddiema tiegħu sabiex jużawhom. Lejn l-aħħar tal-parabbola, l-istess test Evanġeliku jgħidilna kif dawn użawhom.
Nistgħu ngħidu li l-fedeltà hija l-ħsieb ċentrali ta’ din il-parabbola. Alla ta talenti, ta missjoni lil kull wieħed u waħda minna. Kemm se nagħrfuhom, kif se nużawhom, meta se nużawhom u ma’ min f’din il-missjoni afdata, kollox jiddependi mill-indivdwu. Alla hu dejjem fidil lejna, imma aħna fidili lejh?
Il-ġwienaħ li jixprunaw lin-Nisrani sabiex iwettaq il-missjoni afdata lilu minn Alla huma tnejn: ir-relazzjoni ma’ Alla u l-intenzjoni retta.
Ir-relazzjoni ma’ Alla ssaħħaħ il-fedeltà tal-individwu lejn Alla, lejn il-missjoni afdata lill-persuna u b’konsegwenza fedeltà lejn il-poplu ta’ Alla, minkejja d-daqqiet u l-isfidi kollha li jiltaqa’ magħhom l-individwu.
L-intenzjoni retta, li għal San Ġorġ Preca kienet fundamentali, tneħħi kull pretensjoni, tnaqqi kull egoiżmu, tgħallimna naraw kemm id-dettal kif ukoll l-istampa sħiħa, u żżomm lill-individwu ffukat fuq Alla, fuq il-missjoni afdata lilu/lilha u fuq il-Poplu ta’ Alla.
Kemm ir-relazzjoni ma’ Alla u kif ukoll l-intenzjoni retta għandhom jiġu mwieżna b’eżami tal-kuxjenza tajjeb u b’akkumpanjament spiritwali xieraq. Hekk il-biża’ tal-individwu tinbidel f’fedeltà tal-persuna li juża sew it-talenti mogħtija lilu sabiex ikun messaġġier profetiku tal-Bxara t-Tajba: li jssaħħaħ il-fidi, li joffri l-ferħ, li jagħti ħafna mħabba u tama f’Alla.
Ġieli rriflettejt fuq it-talenti li tak Alla sabiex taqdih qalb il-poplu tiegħu?
X’tip ta’ relazzjoni għandek ma’ Alla? Ir-relazzjoni tiegħek timxi mal-burdati u l-bżonnijiet tiegħek? Relazzjoni hekk issostnik bħala Nisrani?
Taħseb spiss fl-intenzjoni retta, jiġifieri li dak li tagħmel ikun b’intenzjoni tajba, għal ġid sħiħ tal-oħrajn u fuq kollox għall-glorja ta’ Alla li jafdalek it-talent?
Talba
Mulej, bħalma inti tafdani bil-ġid tiegħek sabiex naqdi lill-poplu tiegħek, hekk ukoll nitolbok issaħħaħ il-fedeltà tiegħi lejk billi tkabbar il-ħbiberija tiegħi miegħek u ssaffi l-intenzjoni tiegħi sabiex tkun dejjem iżjed taqbel mar-rieda tiegħek. Ammen.
The post Qaddej tajjeb u fidil appeared first on Behold.
Ikkummenta