Sena Ġużeppina
08.12.2020 – 08.12.2021
Nhar it-8 ta’ Diċembru 2020 ġie mfakkar il-150 anniversarju minn meta l-Beatu Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Kattolika. F’dak l-anniversarju speċjali, il-Papa Franġisku ħareġ l-Ittra Appostolika ‘Patris Corde – B’Qalb ta’ Missier’, u ddikjara li fis-sena sat-8 ta’ Diċembru 2021 tiġi ċċelebrata Sena Ġużeppina. B’dan il-mod, qed tingħatalna opportunità li fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp nissaħħu fil-fidi u fir-rieda tagħna f’Alla.
Fil-ktejjeb li l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli ħejjiet is-sena li għaddiet fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ Santa Marija, ġie pubblikat artiklu dwar il-figura tal-patrijarka San Ġużepp, xbihat Ġużeppini f’Ħad-Dingli u l-istorja tal-bastun ta’ San Ġużepp. Dan sar bi tħejjija għall-fatt li fil-ġranet tal-festa, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli kellna fostna l-bastun devot tal-istatwa ta’ San Ġużepp miżmum b’għożża fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat. L-inizjattiva ttieħdet fid-dawl tal-fatt li fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-2020, il-Knisja Kattolika kienet se tfakkar il-150 sena minn meta San Ġużepp ġie dikjarat bħala Patrun tal-Knisja Universali. Billi f’dak l-anniversarju importanti, il-Papa Franġisku ddikjara li se tibda Sena Ġużeppina, ħsibna li bħala mezz ta’ katekeżi nippubblikaw l-introduzzjoni sħiħa tal-Ittra Appostolika ‘Patris Corde – B’Qalb ta’ Missier’, segwita minn taqsira tal-ħsibijiet li l-Papa kompla jiżviluppa fl-istess ittra. Fl-għeluq qed nippubblikaw ukoll parti mill-Ittra Pastorali li l-Isqfijiet Maltin ħarġu għar-Randan 2021 fejn irreferew għall-figura ta’ San Ġużepp f’din is-sena li l-Knisja qed tiddedika lilu.
L-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Patris Corde – B’Qalb ta’ Missier’
Introduzzjoni
B’qalb ta’ missier: dan hu l-mod kif Ġużeppi ħabb lil Ġesù, li fl-erba’ Evanġelji nsibuh imsejjaħ “bin Ġużeppi”.
Iż-żewġ Evanġelisti li xeħtu dawl fuq il-figura tiegħu, Mattew u Luqa, ftit jirrakkuntawlna, imma biżżejjed biex juruna xi kwalità ta’ missier kien u l-missjoni li fdatlu f’idejh il-Providenza.
Nafu li hu kien mastrudaxxa umli (ara Mt 13:55), l-għarus imwiegħed ta’ Marija (ara Mt 1:18; Lq 1:27); “raġel ġust”(Mt 1:19), dejjem lest biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla li dehret fil-Liġi tiegħu (ara Lq 2:22,27,39) permezz ta’ mhux inqas minn erba’ ħolmiet (ara Mt 1:20; 2:13,19,22). Wara vjaġġ twil u ta’ taħbit minn Nazaret għal Betlehem, ra lill-Messija jitwieled fi stalla, għax “ma kienx hemm post għalihom” (Lq 2:7). Kien xhud tal-adorazzjoni tar-rgħajja (ara Lq 2:8-20) u tal-Maġi (ara Mt 2:1-12), li kienu jirrappreżentaw il-poplu ta’ Iżrael u l-popli pagani, rispettivament.
Kellu l-kuraġġ jieħu fuqu l-paternità legali ta’ Ġesù, li lilu tah l-isem li tarraflu l-Anġlu: “Inti ssemmih Ġesù: għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”(Mt 1:21). Kif nafu, għall-popli tal-qedem, li tagħti isem lil xi persuna jew xi ħaġa kien ifisser li dik tappartjeni lilek, kif għamel Adam fir-rakkont tal-Ġenesi (ara 2:19-20).
Fit-tempju, erbgħin jum wara t-twelid, flimkien mal-omm, Ġużeppi offra t-tarbija lill-Mulej u sema’ mistagħġeb il-profezija li Xmun għamel dwar Ġesù u Marija (ara Lq 2:22-35). Biex iħares lil Ġesù minn Erodi, mar jgħix barrani fl-Eġittu (ara Mt 2:13-18). Lura f’art twelidu, għex moħbi fir-raħal ċkejken u minsi ta’ Nazaret fil-Galilija – mnejn, kien jingħad, “ebda profeta ma jqum” u “ma tista’ toħroġ ebda ħaġa tajba” (ara Ġw 7:52; 1:46) – bogħod minn Betlehem, belt missirijietu, u minn Ġerusalemm, fejn kien hemm it-tempju. Meta, proprju waqt pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm, tilfu lil Ġesù ta’ tnax-il sena, hu u Marija fittxewh inkwetati u reġgħu sabuh fit-tempju jiddiskuti mal-għalliema tal-liġi (ara Lq 2:41-50).
Wara Marija, Omm Alla, ebda qaddis ma ħa daqshekk wisa’ mill-Maġisteru tal-Papiet daqs żewġha Ġużeppi. Il-predeċessuri tiegħi niżlu fil-fond tal-messaġġ li nsibu fil-ftit tagħrif li għaddewlna l-Evanġelji biex juru iżjed ir-rwol ċentrali tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni: il-Beatu Piju IX iddikjarah “Patrun tal-Knisja Kattolika”, il-Venerabbli Piju XII ippreżentah bħala “Patrun tal-ħaddiema”, u San Ġwanni Pawlu II bħala “Ħarries tal-Feddej”. Il-poplu jsejjaħlu bħala “Patrun tal-mewt it-tajba”.
Għalhekk, fil-150 anniversarju minn meta ġie ddikjarat Patrun tal-Knisja Kattolika mill-Beatu Piju IX, fit-8 ta’ Diċembru 1870, nixtieq – kif jgħid Ġesù – li “fommi jesprimi dak li bih mimlija qalbi” (ara Mt 12:34), biex naqsam magħkom xi riflessjonijiet personali fuq din il-figura straordinarja, tant qrib tal-qagħda umana ta’ kull wieħed u waħda minna. Din ix-xewqa kibret matul dawn ix-xhur tal-pandemija, li fihom nistgħu nduqu, qalb il-kriżi li qed tolqotna, li l-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd.
Kulħadd jista’ jsib f’San Ġużepp, il-bniedem li jgħaddi mingħajr ħadd ma jagħti kasu, il-bniedem tal-preżenza fil-ħajja ta’ kuljum, diskreta u moħbija, interċessur, għajnuna u gwida fil-waqtiet ebsin. San Ġużepp ifakkarna li dawk kollha li jidhru moħbija jew fit-“tieni post” għandhom protagoniżmu li m’hemmx ieħor bħalu fl-istorja tas-salvazzjoni. Għalihom kollha din il-kelma ta’ rikonoxximent u ta’ gratitudni.
Wara din l-introduzzjoni, il-Papa Franġisku jkompli bl-Ittra Appostolika Patris Corde billi jiddedika 7 kapitli għal San Ġużepp bħala missier taħt diversi titli: missier maħbub, missier fil-ħlewwa, missier fl-ubbidjenza, missier li jilqa’, missier ta’ kuraġġ kreattiv, missier ħaddiem u missier fid-dell. Lejn it-tmiem, il-Papa jfisser li l-għan ta’ din l-ittra hu li jkebbes aktar l-imħabba lejn dan il-qaddis kbir, biex nitħeġġu ħalli nsejħu l-interċessjoni tiegħu u nixbħu l-virtujiet u l-ħeġġa li kellu. Jirrakkomanda li nitolbu lil San Ġużepp, dik li jsejjaħ bħala l-grazzja tal-grazzji kollha: il-konverżjoni tagħna, u jħeġġeġ biex f’riġlejh inressqu din it-talba:
Sliem għalik, ħarries tal-Feddej,
u għarus tal-Verġni Marija.
Lilek Alla fdalek lil Ibnu:
fik Marija qiegħdet il-fiduċja tagħha;
miegħek Kristu trawwem bħala raġel adult.
O Mqaddes Ġużeppi, kun missier għalina wkoll,
u mexxina fit-triq tal-ħajja.
Aqlgħalna l-grazzja, il-ħniena u l-kuraġġ,
u ħarisna minn kull deni. Amen.
L-Isqfijiet Maltin: “San Ġużepp: eżempju għal soċjetà ta’ għożża u solidarjetà”
Fl-ittra pastorali għar-Randan 2021, l-Arċisqof Mons. Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma, u l-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, ikkonkludew il-messaġġ tagħhom b’referenza għal San Ġużepp. L-Ittra Pastorali pubblikata fl-20 ta’ Frar 2021 kellha bħala tema “Nibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà”
“Fil‑ħidma tagħna għal soċjetà ta’ għożża u solidarjetà, għandna eżempju mill‑isbaħ f’San Ġużepp, li l‑Papa Franġisku ried li jkun ta’ ispirazzjoni għalina b’mod speċjali f’din is‑sena ddedikata lilu. San Ġużepp hu l‑bniedem li għadda minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom it‑tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal‑familja tiegħu refuġjata. Imma lil San Ġużepp insibuh dejjem b’fiduċja kbira f’Alla, mimli mħabba u ħlewwa lejn l‑oħrajn u sensittività lejn il‑ħtiġijiet tagħhom. Hu l‑bniedem li jisma’ u li fl‑istess waqt jieħu azzjoni b’kuraġġ biex jipproteġi l‑ħajja ta’ Marija, u ta’ Ġesù, ukoll qabel it‑twelid. San Ġużepp jurina kif tkun il‑qalb ta’ missier.”
Ikkummenta