Philip Grech 4

Fr Philip Grech – Salesjan ta’ Don Bosco

100 sena mit-twelid tal-ewwel surmast tal-Kulleġġ Savio f’Ħad-Dingli

Għal ħafna snin, Fr Philip Grech għex fir-raħal tagħna bħala parti mill-komunita’ Salesjana. F’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ dan l-awtur Salesjan, SAVIO D. BORG ilaqqagħna mal-karattru ta’ dan il-bniedem disponibbli u akkoljenti, saċerdot umli u twajjeb, persuna maħbuba u rispettata li tat ħajjitha f’servizz ħalli tinbena soċjetà aħjar.

Fr Philip twieled nhar il-11 ta’ Mejju, 1921, f’Ħaż-Żebbuġ. Hu iben Pietru u Carmela neè Caruana. Ta’ 18-il sena wieġeb għas-sejħa tal-Mulej u daħal is-Seminarju Maġġuri ħalli jipprepara ruħu għat-triq tas-saċerdozju. Studja fl-Università Rjali ta’ Malta fejn iggradwa fil-filosofija u t-teoloġija.

Meta kien seminarista, il-kjeriku Philip, ġie magħżul għal okkażjoni speċjali u unika. Kellu jħejji diskors biex bih jindirizza lill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-okkażjoni tal-ingress solenni tiegħu fil-Katidral tal-Imdina nhar it-Tnejn, it-22 ta’ Mejju, 1944. Dakinhar tal-ingress, sewwasew ħdejn il-Banca Giuratale fl-Imdina, twaqqaf ark trijonfali u biswitu pulptu minfejn il-kjeriku Philip qara diskors ta’ merħba lill-Arċisqof. Id-diskors kien milqugħ b’applawsi kbar mill-folla kbira preżenti. Din l-okkażjoni, Fr Philip baqa’ jgħożż u jiftakar għomru kollu!

Nhar il-11 ta’ Awwissu 1946, hu ġie ordnat saċerdot. Intbagħat fl-Universita` ta’ Nottingham, l-Ingilterra, biex ikompli bl-istudji tiegħu fil-lingwa Ingliza. Lura f’Malta, hu għallem fis-Seminarju Minuri u għal diversi snin kien jaħdem fl-Azzjoni Kattolika. Bejn l-1953 u l-1956 hu serva bħala s-sitt Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan.

Fl-1956 irriżenja minn Kappillan u ssieħeb mas-Salesjani ta’ Don Bosco. Bħala aspirant hu ntbagħat f’Shrigley, l-Ingilterra, fejn kien jgħallem lill-aspiranti sħabu. Fl-1957, beda n-novizzjat tiegħu f’Burwash, l-Ingilterra u kompla f’San Gregorio, Katanja, Sqallija. Fl-1958 ħa l-ewwel voti bħala Salesjan u pprofessa b’mod solenni nhar it-30 ta’ Novembru, 1962.

Fl-1965, is-Salesjani bdew jiżviluppaw biċċa art fir-raħal tagħna biex isservi bħala skola; dak li kellu jkun il-Kulleġġ Savio. Il-mibki Fr Joseph Mangion – li din is-sena wkoll jaħbat il-mitt sena minn twelidu – kien fdat b’din il-ħidma delikata u ta’ responsabilità. Fl-1968, il-Kulleġġ Savio beda jiffunzjona bħala skola u bħala l-ewwel surmast insibu lil Fr Philip Grech li għamel sentejn f’din il-kariga. Wara hu baqa’ fil-komunitá Salesjana f’Ħad-Dingli iżda ntalab jagħti sehmu fl-Azzjoni Kattolika, u fl-1973 nħatar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-imsemmi moviment.

Fr Philip kellu pinna tajba. Fost l-għadd kbir ta’ xogħlijiet tiegħu nsibu; ‘Il-Bniedem ta’ Kulħadd’, ‘Noti Żgħar ta’ Katekiżmu’, ‘Passi Żgħar Wara Mgħallem Kbir’, u għadd ta’ bijografiji fosthom l-aktar waħda magħrufa, dik ta’ San Ġwann Bosco, flimkien mal-ħajja ta’ Don Rua, ta’ Dun Nazzaren Camilleri SDB, ta’ Ceferino Namuncura u ta’ Laura Vicuna.

Fr Philip kien saċerdot li jħobb il-pastorali fost il-poplu. Għall-bosta snin, ta sehmu b’mod assidwu fil-parroċċa tagħna. Mhux biss! Kien jinteressa ruħu f’dak kollu li jiġri f’Ħad-Dingli; il-figura tiegħu kienet waħda familjari. Ħafna għadhom jiftakruh għaddej mit-triqat tagħna. Ħad-Dingli kien f’qalbu u kien kuntent jgħix fostna. Hekk insibuh ukoll bħala wieħed mill-finalisti fil-konkors imniedi mill-Kumitat Ċiviku, fl-1969, biex jintgħazel innu għal raħalna. Dan hu l-kliem tal-innu li Fr Philip Grech ressaq għal dan il-konkors, bin-nom de plume PHILOCHRON.

LIL ĦAD-DINGLI

(INNU POPOLARI)

O Ħad-Dingli, għalkemm inti ċkejken,

iżda għall-qedem, int fost l-ewlenin;

f’dawn l-għerien għexu missirijietna,

żergħu hawn nisel ġensna l-Maltin.

Hawnhekk twieldu, hawn mietu, hawn indifnu,

b’għaraq ġbinhom saqqew dan it-tub;

jekk hebbew drabi għalihom l-għedewwa,

għal din arthom issieltu bħal lpup.

Rit: O Ħad-Dingli, art utieqa,

inti kont ta’ ġensna n-nieqa;

f’dawn l-għerien u rdumijiet,

ta’ Malta hawn l-istorja bdiet.

Tul iż-żmien dan ir-raħal għex hieni,

f’ħidma bieżla ġos-saqwi, fl-irdum;

niesu twajba, għaqlija, ħabrieka,

baqgħu jaħdmu dar-raba’ sal-lum.

Hawn temgħu lil Malta b’ġid arthom,

b’nies tal-pinna u tax-xogħol lilha għanew;

u fidili għad-Din li ġab Pawlu,

lill-Assunta minn qalbhom ħabbew.

Rit: O Ħad-Dingli, art utieqa …

Drabi ġid, drabi għaks, ġuħ u nixfa,

fuq da’ r-raħal, bl-eluf gerrbu s-snin;

iżda l-bdiewa għaqlija ta’ dari,

ma’ din l-art baqgħu sfiq marbutin.

W jekk il-ħtieġa llum tbegħ’dna minn darna,

jekk l-iskola ssejħilna fl-ibliet,

qalbna tibqa’ tixxennaq u toħlom,

dawn l-għerien u dawn l-irdumijiet.

Rit: O Ħad-Dingli, art utieqa …

Fr Philip għadda għal ħajja ta’ dejjem fil-Kulleġġ Savio f’Ħad-Dingli, nhar it-13 ta’ Awwissu 1988, fl-għomor ta’ 67 sena. Il-quddiesa tal-funeral saret fil-kulleġġ stess u d-difna fiċ-Ċimiterju ta’ Marija Addolorata, fl-oqbra tal-Kongregazzjoni Salesjana.

Għaddew 33 sena mill-mewt ta’ Fr Philip; biss dawk fostna li kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu, żgur li jibqgħu jgħożżu l-memorji sbieħ tiegħu, l-ezempju tajjeb tiegħu, id-dedikazzjoni ġeneruza tiegħu, it-tbissima naturali tiegħu. Fr Philip ħaddan u mexa wara l-karizma ta’ Don Bosco, li għalih kien missier u hu sar iben denn tiegħu!

Fr Philip, grazzi ta’ kollox!

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.