Avviżi -24.04.2022 – It-2 Ħadd tal-Għid
1. Illum fil-quddiesa tad-9.30 a.m. se tiġi ppreżentata s-somma ta’ €2,200 lil Malta for Ukraine biex jiġu nvestiti fl-edukazzjoni tat-tfal li qed jaħarbu mir-realta’ tal-gwerra fl-Ukrajna. Minn dawn, €1,382 nġabru mit-tfal tal-iskola primarja ta’ Ħad-Dingli u l-kumplament mill-Karus ta’ Imħabba li sar fir-Randan u minn donazzjonijiet oħra privati li ngħataw. Barra minn hekk, se jiġu ppreżentati wkoll għadd ta’ blalen biex jintbagħtu lit-tfal fl-Ukrajna u li nġabru bl-inizjattiva tal-abbatini li sabu appoġġ ta’ persuni oħra u xi kumpaniji.
2. Illum nistgħu nkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor billi nagħtu d-demm fil-Mobile Blood Donation Unit li se tkun fil-pjazza ħdejn il-knisja bejn it-8.30 am u s-1.00 pm. Min se jersaq biex jagħmel dan il-ġest ta’ solidarjetà għandu jippreżenta l-karta tal-identità.
3. Fi tmiem din il-ġimgħa qed tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Ħniena Divina. Illum, l-adorazzjoni fil-parroċċa tagħna tibda fl-4.00 p.m. Fil-5.00 imbagħad tiġi ċċelebrata l-quddiesa, li minn dan il-Ħadd tibda tkun fil-5.00.
4. Għada t-Tnejn fit-8.00 p.m. ser issir laqgħa tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u tal-Kummissjoni Ekonomika fiċ-Ċentru Parrokkjali.
5. Nhar l-Erbgħa il-parroċċa se torganizza attivita’ għall-irġiel. Nibdew bil-quddiesa tas-6.30 p.m. fil-Knisja u wara jkollna Ikla f’Taċ-Ċanti, Ħaż-Żebbuġ. Din se tkun waħda mill-okkażjonijiet tal-aħħar biex l-irġiel jiltaqgħu ma’ Dun Mark Mallia Pawley u Dun Matthew Pulis li fil-jiem ta’ wara ser itemmu l-ħidma pastorali tagħhom fostna. Booking għall-ikel mis-sagristija sa nhar it-Tnejn filgħaxija.
6. Fuq l-artal ta’ San Ġużepp, il-Kumitat Festa Esterna qiegħed jesebixxi arma ta’ trofew antik u ta’ preġju lesta mir-restawr. Fil-festa ta’ Santa Marija, fis-sajf li ġej, se jiġi inawgurat ir-restawr ta’ dan it-trofew u ta’ żewġ pedestalli oħra. Biex jitħallsu l-ispejjeż kollha relatati ma’ dan il-proġett jonqos jinġabru mat-€3,000. Għalhekk, f’dawn il-ġranet se jitqassam envelope fid-djar bi stedina biex ngħinu jinġabru dawn il-fondi u l-proġett ikun magħluq. Id-dettalji fejn tħallu l-offerti tagħkom jinsabu stampati fuq l-envelope stess. Nirringrazzjawkom.
7. Il-quddiesa tas-Sibt li ġej fis-6.30 p.m. se titmexxa minn Dun Matthew Pulis u se tkun waħda ta’ ringrazzjament għas-servizz li ta fil-parroċċa tagħna. L-għada, il-Ħadd, il-quddiesa tad-9.30 a.m. se titmexxa minn Dun Mark Mallia Pawley b’radd il-ħajr għas-snin ta’ servizz li għamel f’din il-parroċċa bħala djaknu, saċerdot u fl-aħħar erba’ snin bħala Arċipriet. Kulħadd mistieden jattendi.
8. Il-Ħadd li ġej ikun l-ewwel Ħadd tax-xahar u għalhekk ikollna l-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-parroċċa.
[end]
Grazzi ta’ kollox Fr Mark u Fr Matthew. Il- Mulej ibierek il- hidma taghkom. Jiena certa li se tkunu ta’ servizz kbir. Se nimmisjakom hafna! Grazzi kbira.