VSM

MARIJA ASSUNTA, Bogħod mill-għajn, imma żgur mhux mill-qalb tagħna

Għeżież Dinglin u dawk kollha li fil-jiem tal-festa se tingħaqdu magħna.

Waqt li nsellmilkom, ħsibt li jkun tassew xieraq li nikteb dan l-ewwel messaġġ tiegħi għall-festa jew aħjar, li nintroduċi l-messaġġi u l-ħsibijiet tiegħi bħala Arċipriet ta’ din il-parroċċa, fid-dawl tar-realtà li Santa Marija mtellgħa s-sema, il-qaddisa patruna tar-raħal tagħna Ħad-Dingli, u saħansitra patruna tal-gżejjer Maltin, għandha tfisser għalina li nħaddnu l-fidi nisranija:

“Hienja dik li emmnet …” [Lq 1:45] – “Henjin dawk li ma rawx u emmnu.” [Ġw 20:29]

Bogħod mill-għajn . . .

Ilkoll ikollna nammettu li nħobbu kemm inħobbu lil xi ħadd, qatt ma jirnexxielna inżommuh magħna. Għal ftit ħin forsi iva, imma l-ħin kollu le. Għalhekk naslu li nirrikorru għal xi ritratt jew oġġett li nkunu nistgħu nġorruh magħna jew nagħmluh f’post prominenti sabiex jibqa’ jfakkarna u ma ninsewx. Għax inkella faċilment jiġrilna kif jgħid il-Malti: “Bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb.” Imma jekk nintelqu u nħallu li dan il-qawl isir prinċipju li jiddomina u jmexxi ħajjitna, allura faċilment nispiċċaw biex ħarsitna teħel f’direzzjoni waħda: ‘l isfel, lejn l-art, li tagħti valur biss lil dak li jidher, li hu fiżiku, u lil dak li hu immedjat, l-issa. Hekk qalbna żgur tasal iċċedi l-fidi, titlef kull sens ta’ tama, u tiftaqar mill-ħeġġa tal-imħabba u tal-aspirazzjonijiet tagħha, li tant tagħtina nifs frisk biex inkomplu l-vjaġġ tagħna fuq din l-art.

Ir-riżultat jaf ikun xi wieħed minn dawn l-estremi: jew li nsiru nies bla fiduċja f’ħadd u f’xejn, jew li nsiru nies li jnisslu u jikkultivaw tamiet foloz f’idoli, sew jekk nies sew jekk annimali jew oġġetti, murija f’att ta’ superstizzjoni aktar milli umani u ta’ fidi. Għeżież ejjew ma nħallux li l-Għid ta’ Santa Marija, tant għażiż għalina l-insara, jasal li f’għajnejna jiftaqar tant li jitlef l-istagħġib tal-fatti u tal-veritajiet qawwija li fih minħabba li ’l bogħod ta’ Marija minna kapaċi ninterpretawh biss bħala nuqqas ta’ preżenza jew ta’ raqda infinita!

… iżda żgur mhux bogħod mill-qalb tagħna

Imma pjuttost bil-maqlub: f’Santa Marija u t-tlugħ glorjuż tagħha fis-sema, ejjew naslu nagħrfu li għalkemm lilha ma narawhiex magħna bl-għajnejn ta’ ġisimna, iżda b’dawk ta’ ruħna aħna msejħin nikkontemplaw fiha l-qawwa tal-grazzja ta’ Alla li tmiss u taħdem fil-bniedem, ladarba Hu tahielna bħala “xbieha ta’ tama sħiħa u ta’ faraġ fil-mixja tagħna (bħala Knisja) fuq l-art.” [Prefazju tal-Quddiesa tal-Jum li jevoka l-Konċilju Vatikan II: “tiddi bħala sinjal ta’ tama ċerta u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja” (Lumen Gentium, 68)].

Għax tassew, f’Sidtna Marija, verġni pura u omm fidila, sultana mlibbsa x-xemx, inkurunata bil-kwiekeb, tleqq bid-dawl tal-Mulej, il-Knisja tagħraf u tikkontempla fiha l-immaġni safja tal-glorja ġejjiena tagħha. F’Santa Marija aħna nagħrfu l-għan ta’ ħajjitna li jintlaħaq tassew: li nkunu bl-istess glorja ta’ Kristu Rxuxtat “l-ewwel fost dawk li raqdu” kif jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin.

Għalhekk fiha aħna naraw pass tassew importanti, tant deskritt tajjeb mill-Papa Franġisku, waqt l-Angelus tal-Festa tal-Assunta fi Pjazza San Pietru nhar is-Sibt 15 ta’ Awwissu 2020, meta stqarr bla tlaqliq: “Bit-tlugħ fis-Sema ta’ Marija qed niċċelebraw kisba infinitament akbar. Il-Madonna poġġiet riġlejha fil-ġenna: ma marritx hemm bl-ispirtu biss, iżda bil-ġisem ukoll, kollha kemm hi. Dal-pass tal-Verġni ċkejkna ta’ Nażaret kien il-qabża kbira ’l quddiem tal-umanità.”

Santa Marija mhijiex ’il bogħod minna,

imma għaddiet quddiemna,

sabiex tkun għal qalbna u f’qalbna.

“Inħallu s-sbuħija vera tiġbidna lejha, ma nħallux iċ-ċekċik tal-ħajja jixrobna imma nagħżlu l-kobor tas-sema.  Il-Verġni Mqaddsa, Bieb tas-Sema, tgħinna biex kuljum bil-fiduċja u l-ferħ inħarsu ’l hemm, fejn hemm id-dar vera tagħna, fejn tinsab Hi, li bħala omm qed tistenniena. Tħobbna, titbissmilna u tgħinna bil-ħrara.  Bħal kull omm li trid l-aħjar għal uliedha, u tgħidilna: “Intom prezzjużi f’għajnejn Alla; m’intomx magħmulin għas-sodisfazzjoniet żgħar tad-dinja, imma għall-ħwejjeġ kbar tas-sema”.” [Il-Papa Franġisku, waqt l-Angelus tal-Festa tal-Assunta fi Pjazza San Pietru nhar il-Ħamis, 15 ta’ Awwissu, 2019].

“Hienja dik li emmnet …” [Lq 1:45]; “Henjin dawk li ma rawx u emmnu.” [Ġw 20:29]

U dawn l-għeġubijiet kbar ta’ Alla magħna u għalina għandna nagħrfuhom bħala r-raġunijiet bażiċi biex f’ħajjitna nemmnuH u nithennew BiH. Għalhekk tassew xieraq li nifirħu u niċċelebraw:

  • festa bil-preżenza sabiħa ta’ Santa Marija, Omm Alla u Ommna, bidu tal-ferħ tagħna;
  • festa li ma tkunx biss ta’ pjaċir superfiċjali, u għalhekk qoxra, imma ta’ qlub li l-għaxqa tagħhom hu li jkunu magħha, fil-preżenza tagħha;
  • festa fejn magħha ngawdu lil Binha u nimpenjaw ruħna

ħalli nisimgħu l-Kelma tiegħu u nħarsuha u nimxu bil-qalb aktar warajH is-sena kollha.

Viva Marija Mtellgħa s-Sema! Viva Santa Marija!

Minn qalbi nawgura l-Festa t-Tajba lil Kulħadd!

Il-Kan. David Farrugia

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.