Avviżi – 12.02.2023 – Is-6 Ħadd ta’ matul is-Sena
- Il-Ħamis 16/02:
- Wara l-quddiesa ta’ filgħaxija jkollna mument ta’ adorazzjoni.
- Fis-7:15pm – Laqgħa fil-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet għall-ġenituri li uliedhom ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina din is-sena.
- Il-Ħadd 19/02, is-7 Ħadd ta’ matul is-Sena:
- Wara l-quddiesa tas-Sibt u l-Ħadd li ġej minn fuq iz-zuntier ser ikollna għall-bejgħ ħelu tradizzjonali Malti fosthom tal-Karnival.
- Avviżi oħra:
- Kif tistgħu taraw, mal-altar maġġur qed jiżżanżan il-gwarniċ tal-ventaltar ta’ kuljum li ġie kkonservat u ndurat mill-ġdid. L-istess sar lill-boċċa tas-salib li hemm fuq il-kanipew li jgħatti t-tabernaklu; is-salib tal-kleru ta’ kuljum u l-lasti tal-baldakkin li jintuża fil-purċissjonijiet b’Ġesu’ Sagramentat. Dawn flimkien ġew jiswew €3,100 li tħallsu b’donazzjonijiet li tajtu għal dan il-għan u mill-fund-raising li jsir għall-bżonnijiet tal-Knisja. Napprezzaw kull għajnuna biex inkunu nistgħu nwettqu proġetti u inizjattivi simili u b’hekk nieħdu ħsieb dak li għandna.
- Infakkrukom fl-appell għall-għajnuna għall-vittmi tat-terremoti fit-Turkija u s-Sirja. Fil-Knisja qed jintlaqgħu oġġetti li huma meħtieġa minn lista mħejjija mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Minn fuq il-mejda tal-offerti tistgħu tiġbru lista ta’ x’inhu meħtieġ li jinġabar u li kulħadd qed jintalab jimxi magħha. L-affarijiet li jinġiebu għandna npoġġuhom mill-ewwel fejn l-altar ta’ San Ġużepp jew tal-Madonna tad-Duluri. L-oġġetti qed jinġabru wkoll fil-Kunsill Lokali, fil-ħinijiet tal-uffiċċju, u mbagħad jittieħed kollox flimkien. Min jixtieq jista’ jgħin ukoll b’offerti ta’ flus li se jingħataw lill-Caritas Malta li tgħaddihom lil Caritas Internationalis biex jintużaw għall-ħtiġijiet tan-nies milquta. Donazzjonijiet jistgħu jingħataw lill-Arċipriet jew lil xi ħadd mis-saċerdoti jew jitħallew fil-kaxxa li hemm apposta fuq il-mejda tal-offerti fil-Knisja stess u mbagħad nieħdu ħsieb ngħaddu kollox lill-Caritas. Il-Caritas għandha wkoll kontijiet bankarji apposta. Grazzi tal-ġenerożita’ tagħkom.
- Infakkar li fiċ-Ċimiterju għandna l-ħtieġa li jsir it-tindif ta’ xi oqbra tal-Komun. L-oqbra li ser jitnaddfu nhar it-28 ta’ Frar mis-7.00 a.m. huma dawk bin-numri minn 26 (XXVI) sa’ 37 (XXXVII). Familjari li għandhom qraba midfuna f’dawn l-oqbra mitluba jikkuntatjaw lill-Arċipriet għal aktar dettalji.
- Matul din il-ġimgħa daħlu:
- € 750 bħala ġabra speċjali b’risq il-manutenzjoni tal-koppla.
- € 80 bħala donazzjonijiet bl-istess għan.
- € 60 bħala donazzjonijiet b’risq il-proġett tal-bdil tal-kaptelli fiċ-Ċimiterju. Grazzi.
- Fl-aħħarnett, il-parroċċa qed tippubblika r-rendikonti finanzjarji tal- festa ta’ Santa Marija li ċċelebrajna s-sena li għaddiet. Il-festa ta’ ġewwa swiet €13,747; id-dħul għaliha kien ta’ €14,130; u għalhekk fadal bilanċ ta’ ftit aktar minn €380. Il-festa ta’ barra, li f’isem il-parroċċa jieħu ħsiebha l-Kumitat Festa Esterna, swiet €28,854. Id-dħul ammonta għal €28,802 u għalhekk ġie reġistrat żbilanċ ta’ €52. Ir-rendikont dettaljat jinsab pubblikat għall-informazzjoni ta’ kulħadd fin-notice-boards ta’ barra l-Knisja. L-Arċipriet, il-kleru u l-kumitat tal-festa jirringrazzjaw lil kulħadd tal-għajnuna finanzjarja li ngħatat kif ukoll lil diversi persuni li jagħtu ħinhom mingħajr ma jieħdu xejn lura biex seta’ jsir dan kollu u f’Awwissu ttellgħet festa lill-patruna tagħna Santa Marija. Il-ġabra fil-Knisja l-Ħadd li ġej se tmur biex bil-mod il-mod nibdew inwarrbu xi ħaġa wkoll għall-festa ta’ sitt xhur oħra.
Ikkummenta