Avviżi – 26.02.2023 – L-1 Ħadd tar-Randan
- Għal matul ir-Randan u l-kumplament ta’ din is-sena qed nipproponu li ta’ spiss ngħidu t-talba “Sinjur Alla, f’kollox u għal kollox għandi bżonnok . . . Int il-ħajja ta’ ruħi u ta’ ġisimi.” (sentenza ta’ San Ġorġ Preca meħuda minn ’Domine Deus’) Ngħiduha flimkien …
- It-Tlieta 28/02:
- Mis-7:00am, fiċ-Ċimiterju ser isir it-tindif ta’ oqbra tal-komun bin-numri 26 (XXVI) sa’ 37 (XXXVII). Familjari li għandhom qraba midfuna f’dawn l-oqbra mitluba jikkuntatjaw lill-Arċipriet sa għada.
- Fis-7:15pm – jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fiċ-Ċentru.
- Il-Ħamis 02/03:
- Fis-7:00pm jkollna mument ta’ adorazzjoni fil-Knisja.
- Il-Ġimgħa 03/03, L-Ewwel Ġimgħa tax-xahar:
- Filgħodu jsir it-tqarbin tal-morda fi djarhom;
- Fit-8:30am u fis-5:45pm ikollna servizz ta’ qrar fil-Knisja.
- Il-Ħadd 05/03, It-2 Ħadd tar-Randan:
- Ġabra speċjali li tmur b’risq il-manutenzjoni tal-koppla minn ġewwa, fejn bħalissa għaddej ġmielu l-proċess taż-żebgħa u l-induratura.
- Avviżi oħra:
- Tkun ħaġa tajba li matul ir-Randan insibu aktar ħin għat-talb kemm weħidna kif ukoll bħala familja.
- Infakkarkom fl-attendenza tal-Quddiesa u fil-fatt li mit-Tnejn sal-Ħadd, il-Kappella tal-Adorazzjoni f’Dar Dun Bosco, tkun miftuħa għal min jixtieq jagħmel mumenti ta’ talb fis-skiet mis-7.00am sad-9.00pm.
- Jgħinnu wkoll l-Eżerċizzi Spiritwali:
- Mit-Tnejn 6 sal-Ġimgħa 10 ta’ Marżu ser ikollna eżerċizzi għall-miżżewġin fis-7.00 p.m. fil-Knisja. Ser imexxi l-Kan. Mark Ellul, Surmast tal-Iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof. Il-koppji miżżewġa mhux biss huma mistiedna imma mħeġġa jattendu . . . mhux il-ġimgħa d-dieħla imma ta’ wara.
- Mit-Tnejn 27 sal-Ħamis 30 ta’ Marzu (fil-ġimgħa tad-Duluri) ser isiru eżerċizzi għal kulħadd waqt il-quddiesa tas-6.30 p.m. u se jitmexxew minn Patri Victor Paul Farrugia, Karmelitan.
- Bħala karita’, matul dan ir-Randan se ngħinu inizjattiva ġdida tal-Caritas: il-Kċina ta’ Marta li toħroġ 170 ikla kuljum lil persuni u familji fil-bżonn. Fost oħrajn ser ikollna kaxxi biex inġibu affarijiet u oġġetti tal-ikel (skont lista li ser ikun hemm) biex ngħadduhom lil din il-kċina. Aktar dettalji l-ġimgħa d-dieħla.
- Bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni u kultura nisranija lejn l-aħħar tar-Randan u fil-Ġimgħa Mqaddsa beħsiebna ntellgħu wirja fil-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdum. Din se tkun organizzata mill-grupp tal-Abbatini, bil-għajnuna ta’ ġenituri u eks abbatini. Jekk hawn tfal jew żgħażagħ li huma interessati jgħinu fiha jikkuntattjawna.
- Matul din il-ġimgħa daħlu:
- € 70 bħala donazzjonijiet b’risq il-manutenzjoni tal-koppla.
- € 740 għat-terremotati tas-Sirja-Turkija biex mill-parroċċa tagħna ppreżentajna lil Caritas is-somma sabiħa ta’ € 3,700. Grazzi lil kulmin ta sehmu.
- Nitolbu għal ruħ Grace Bonello li għaddiet għal ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem …
Avviż mill-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tar-Rabat
Il-Kummissjoni tal-Ġimgħa Kbira tar-Rabat tavża li mill-Ħadd 26 ta’ Frar u kull nhar ta’ Ħadd matul ir-Randan (ħlief għall-Ħadd 19 ta’ Marzu) ser issir ir-Reġistrazzjoni ta’ dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira tar-Rabat.
Ir-reġistrazzjoni ssir fil-Kunvent tal-Patrijiet ta’ Ġieżu bejn id-9:30am u l-11:30am.
Ikkummenta