avvizi parrocca

Avviżi – 19.03.2023

Avviżi – 19.03.2023  –  Ir-4 Ħadd tar-Randan

  1. Mit-Tnejn 20/03 sal-Erbgħa 22/03:
    • Filgħodu jsiru l-eżerċizzi għat-tfal tal-iskola primarja, fl-iskola stess.
  2. It-Tnejn 20/03, il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Ġużepp billi d-19 ta’ Marzu nzerta l-Ħadd.
    • Fil-4:45 pm fil-Knisja jkollna l-ewwel qrara tat-tfal li f’Ġunju se jirċievu l-Ewwel Tqarbina.
  3. L-Erbgħa 22/03:
    • Nofs ta’ nhar irtir tar-Randan organizzat mill-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’. L-irtir li hu miftuħ għal kulħadd ser isir għand il-Patrijiet Franġiskani Konventwali f’Burmarrad u se jitmexxa minn Patri Allister Aquilina. Trasport jitlaq fid-9.00 am minn ħdejn l-għassa u lura Ħad-Dingli għas-1.00 p.m. Dawk interessati għandhom ikellmu lill-membri tal-kumitat tal-Grupp ‘Magnificat’.
  4. Il-Ħamis 23/03:
    • Fis-6:00 pm – Ġesù li tant iħobbna: Mument ta’ talb iffukat fuq il-wiċċ ta’ Kristu animat mill-membri tal-M.U.S.E.U.M. Inħeġġu b’mod speċjali lit-tfal li jattendu d-duttrina u l-familjari tagħhom biex jattendu għat-talb fis-6.00 u wara għall-quddiesa tas-6.30 pm.
    • Fis-7:00pm – Wara l-quddiesa jkollna mument ta’ adorazzjoni.
  5. Il-Ġimgħa 24/03:
    • F’Dar Dun Ġwann Abela, ħdejn il-Knisja, jiftaħ il-Bazaar tal-Għid b’riżq il-parroċċa fejn ser ikollna għall-bejgħ oġġetti ta’ kuljum u għad-dar, kotba u rigali reliġjużi u ħelu tradizzjonali ta’ dan iż-żmien tas-sena. Se jittieħdu wkoll ordnijiet għall-figolli li mbagħad jitwasslu fid-djar eqreb għall-Għid. Il-Bazaar jibqa’ għaddej il-weekend kollu, sal-Ħadd.
    • Wara l-quddiesa tas-6.30 p.m. ser ikollna Adorazzjoni tas-Salib; mument b’kant u talb stil Taizè.
  6. Is-Sibt 25/03:
    • Il-Kumitat Festa Esterna se jorganizza Pie Day, bl-ikel jitwassal dirett fid-djar f’nofsinhar jew filgħaxija.  Kitba sal-Ħamis li ġej (23/03) fis-sagristija jew b’messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook “Festa Santa Marija – Ħad-Dingli”.
  7. Il-Ħadd 26/03, Il-5 Ħadd tar-Randan:
    • Il-ġabra fil-quddiesa ser tkun għas-Seminarju tal-Arċisqof; il-post fejn qed jirċievu l-formazzjoni s-saċerdoti ta’ għada.
    • Fid-9:30 am, il-quddiesa tkun bis-sehem tat-tfal u l-familji u se nkunu qed nistiednu jieħdu sehem ukoll lit-tfal li għamlu l-ewwel qrara.
    • Il-Ħadd li ġej ukoll se tkun miftuħa għall-ewwel darba għall-pubbliku l-Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa li l-grupp tal-Abbatini qed jorganizza fil-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdum, bit-tema: ‘Nimxu ferħana lejn Ġerusalemm’.
  8. Nhar it-Tlieta 28/03:
    • Mit-3.15 sas-6.00 pm – mument ta’ talb u riflessjoni fir-Randan organizzat mill-Għaqda tal-Kompensatriċi fl-Oratorju Salesjan f’Ħad-Dingli. Imexxi Dun Chris Bugeja.
  9. Avviżi oħra:
    • Infakkru fl-għotjiet għall-proġett ta’ armar ġdid għall-festa, bl-envelopes li tqassmu fid-djar tistgħu tħalluhom fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti, fil-kaxxa tal-ittri tad-Dar Parrokkjali jew f’kaxxi fi ħwienet li hemm imniżżla fuq l-envelope stess. Il-Kumitat Festa Esterna jirringrazzjakom.
    • Wara l-Għid ser ikollna żewġ ħarġiet rikreattivi:
      • L-Erbgħa 12 ta’ April ġurnata Għawdex; u
      • s-Sibt 29 ta’ April ġita ta’ ġurnata fi Sqallija. Il-booking u dettalji mis-sagristija jew il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa.
  10. Matul din il-ġimgħa daħlu:
    • € 20 f’donazzjonijiet għall-manutenzjoni tal-koppla. Grazzi.
  11. Nitolbu għal John Abela li għadda għal ħajja ta’ dejjem. Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem . . .
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.