avvizi parrocca

Avviżi – 06.08.2023

Avviżi – 06.08.2023  –  Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

  1. Illum 06/08:
    • Il-quddiesa tad-9:30am se tlaqqa’ flimkien lil dawk li jipprattikaw xi sport u dawk li jsegwu l-isport f’talba lil Marija Assunta biex tħarishom.
  2. It-Tnejn 07/08:
    • Il-quddiesa tas-6.30 p.m. ser issir f’Misraħ Frenċ Abela minflok fil-knisja u se tkun b’tifkira mit-twaqqif tal-banda Santa Marija.
  3. It-Tlieta 08/08:
    • Fil-5.30pm nistiednu lit-tfal jinġabru f’Misraħ Frenċ Abela minn fejn jimxu f’korteo wara statwa ta’ Santa Marija. Fis-6.30pm tiġi ċċelebrata quddiesa għat-tfal kollha fil-bitħa tal-M.U.S.E.U.M. tas-subien. Wara l-quddiesa, diversi attivitajiet fil-M.U.S.E.U.M. stess u train ride għat-tfal akkumpanjati mill-ġenituri madwar Ħad-Dingli. Il-biljetti għat-train ride jinsabu għall-bejgħ mis-sagristija, bi prezz issussidjat mill-parroċċa u mill-Kunsill Lokali.
  4. L-Erbgħa 09/08:
    • Ser ikollna ħarġa ta’ ġurnata għal Kemmuna. Trasport jitlaq minn ħdejn l-għassa tal-Pulizija fit-8.00 a.m. Kitba għand il-membri tal-fund-raising sat-Tlieta f’nofsinhar.
    • Fit-8.00pm qed nistiednu lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ jinġabru fil-Knisja għal quddiesa fl-okkażjoni tal-festa u wara se tiġi organizzata attivita’ soċjali għalihom.
  5. Il-Ħamis 10/08:
    • Fil-quddiesa tas-6:30pm se nitolbu għal ħutna l-mejtin, speċjalment dawk li mietu matul din l-aħħar sena. Il-familjari mħeġġa jattendu.
  6. Il-Ġimgħa 11/08:
    • Qed nistiednu lil kulħadd għall-inawgurazzjoni tal-proġett tal-manutenzjoni u r-restawr tal-koppla. Nibdew fis-6.30pm bil-quddiesa. Wara ser issir spjega tax-xogħol li sar fil-koppla u tinxtegħel għall-ewwel darba b’sistema ġdida ta’ dawl li ġiet installata bħala parti mill-proġett. Fl-aħħar nieħdu xi ħaġa tajba flimkien f’Misraħ Ġuże’ Abela.
  7. Is-Sibt 12/08
    • Fid-9:30am – quddiesa għall-anzjani u l-morda tal-parroċċa li jinsabu fid-djar tagħhom jew f’residenzi għall-anzjani. Anzjani li jixtiequ jattendu u għandhom bżonn trasport għandhom jinkitbu mill-aktar fis id-Day Centre li f’isem il-Kunsill Lokali qed jikkoordina l-arranġamenti għat-trasport, anke ta’ min hu fil-wheelchair.
  8. Il-Ħadd 13/08:
    • Ikollna żewġ inizjattivi ta’ solidarjetà li se nieħdu fi żmien il-festa:
    • L-ewwelnett, il-ġbir li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ser ikun l-għotja ta’ karita’ tal-parroċċa għal żmien il-festa. Din is-sena l-flus miġbura se jinqasmu bejn il-Fondazzjoni Arka ta’ Għawdex u l-missjoni ta’ Patri Ġorġ Scerri M.S.S.P. fil-Perù.
    • Mit-8.30am sas-1.00pm – Għoti ta’ demm fil-Mobile Blood Donation Unit f’Misraħ Ġuże’ Abela. Il-Karta tal-identità u l-maskra huma meħtieġa.
    • Għall-quddiesa tad-9.30 a.m. qed nistiednu lill-emigranti Dinglin li jinsabu fostna u l-persuni ta’ nazzjonalita’ barranija li jgħixu Ħad-Dingli. Jekk tafu xi barranin li jgħixu fostna nistednukom tagħtuhom stedina li tistgħu tiġbri kopja tagħha minn fuq il-mejda tal-offerti.
  9. Avviżi oħra:
    • Il-programmi tal-festa tqassmu f’kull dar. Inħeġġukom taqraw l-artikli, issegwu l-programm u tattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet organizzati. Min-nhar il-Ħamis, il-kolletturi tal-parroċċa se jduru d-djar jiġbru l-offerta għall-festa ta’ ġewwa fl-envelope li tqassam mal-programm. Min ma jkunx id-dar, jista’ jħalli l-envelope il-Knisja waqt il-ġbir jew fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti.
    • L-Arċipriet qed jilqa’ offerti mingħand għaqdiet u individwi għall-bukketti ta’ imħabba lil Santa Marija. L-offerti ser imorru għax-xiri tal-fjuri għal madwar l-istatwa u l-knisja u għal spejjeż oħra relatati mal-festa fil-knisja.
    • Sal-Ħadd li ġej, 13/08 ħdejn il-bibien tal-knisja ser ikun hemm kaxxi biex inġibu affarijiet ta’ preserves u ta’ iġene biex fi żmien il-festa jingħataw bħala għajnuna lill-persuni fil-bżonn.
    • It-Tlieta 15/08 – Isir il-pellegrinaġġ bil-muturi mill-Imġarr għal Ħad-Dingli. Is-sewwieqa tal-muturi jiltaqgħu fuq iz-zuntier tal-Imġarr fid-9.15 a.m. biex fl-9.45 a.m. jitlaq il-pellegrinaġġ.
    • L-Erbgħa 16/08 filgħaxija ssir il-majjalata għall-briju tal-marċ tal-festa. Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ fosthom mis-sagristija.
    • Minn fuq iz-zuntier tal-knisja għandna għall-bejgħ pavaljuni u banners għall-gallariji, xbieha ta’ Santa Marija fuq it-tila u biljetti tal-lotterija tal-festa.
  10. Matul din il-ġimgħa daħlu € 190 bħala donazzjonijiet b’risq il-manutenzjoni tal-koppla. Grazzi.
  11. Nitolbu għal Carmen Pawley li għaddiet għal ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem …
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.