AvviżI – 01.01.2024 – Solennità ta’ Marija Omm Alla u Jum il-Paċi
- Illum 01/01:
- L-Arċipriet jingħaqad ma’ Monsinjur Louis Camilleri, Dun Christopher Bugeja, il-komunita’ Salesjana, u l-membri tal-Kunsill Parrokkjali biex nawgurawlkom ilkoll is-Sena t-Tajba.
- Il-ħinijiet tal-quddies ikunu bħal tal-Ħadd, b’dik ta’ filgħaxija tkun fil-5:00pm.
- Il-Ħadd 07/01, Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.
- Fid-9.15am – Purċissjoni qasira flimkien mal-Maġi mill-Kappella tal-Adorazzjoni tal-Oratorju Sależjan lejn il-Knisja, li tagħti bidu għall-Quddiesa tad-9:30am. Ġenituri u tfal, flimkien ma’ dawk li ġew joqgħodu ġodda fil-parroċċa tagħna, mistiedna jattendu għal din il-quddiesa b’mod speċjali.
- Avviżi oħra:
- Sal-lum qed jintlaqgħu donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza. Dawn jistgħu jitħallew fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti, bis-somma miġbura se tiġi ppreżentata llejla waqt il-Festa ta’ Ġenerożita’ organizzata fid-Dar tal-Providenza.
- Fost il-ħafna kummenti sbieħ li rċevejna dwar il-presepju prinċipali tal-knisja, kienu diversi dawk li ssuġġerew li l-parroċċa għandha takkwista s-sett ta’ pasturi kbar li fih. Wara li ġiet evalwata din il-proposta, ġie deċiż li dawn jinxtraw. Il-Librerija Preca offriet li tagħtina prezz imraħħas ta’ €1,800. Il-ġabra speċjali tal-Ħadd li ġej se tkun għal dan il-għan. Qed jintlaqgħu wkoll donazzjonijiet privati għand l-Arċipriet u fis-sagristija biex naslu nkopru l-ispiża.
- Il-proġett tal-manutenzjoni u restawr tal-koppla issa hu magħluq kollu u fi tmiem il-ġimgħa li ġejja se jingħata rendikont sħiħ dwaru. Issa bdejna l-manutenzjoni tal-bjut tal-knisja u lejn l-aħħar ta’ Jannar u tul Frar se ssir l-installazzjoni ta’ dwal ġodda u aktar effiċjenti għall-korsija, il-kappelluni, l-artal maġġur u n-niċeċ ta’ Santa Marija u l-Madonna tar-Rużarju. Parti sew minn dan ix-xogħol ser ikun finanzjat minn skema tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
- Il-parroċċa bdiet taħseb ukoll biex ikollha damask għal okkażjonijiet bħall-Milied u l-Għid il-Kbir minflok tuża partijiet mid-damask tal-festa. Bħalissa qed niġbru kampjuni u prezzijiet. Aktar dettalji dwar dan u ħidma fuq proġetti oħra jingħataw fiż-żmien li ġej. Nirringrazzjakom ħafna tal-koperazzjoni.
Ikkummenta