Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Kolletta
O Alla, int tajtna eżempju mill-isbaħ fil-Familja Mqaddsa; agħmel li nsiru nixbħuha fil-virtujiet tal-ħajja tad-dar u fir-rabta tagħha ta’ mħabba, ħa niġu nithennew għal dejjem fil-ferħ ta’ darek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Il-Liturġija ta’ Żmien il-Milied turi l-vulnerabbiltà ta’ Alla tagħna li sar bniedem bħalna f’kollox. Hekk tidħol din il-festa speċjali tal-familja ta’ Ġesù: Ġużeppi u Marija u t-tarbija Ġesù. Familja umli li tobdi l-Liġi ta’ Mosè u tikkonsagra lit-tifel il-kbir bil-mezzi li kellha. Familja magħżula biex tieħu ħsieb u trabbi lil dat-tfajjel skont it-Torah, kif ried Alla.
Imma fuq Ġesù tingħata profezija oħra li tikxef l-identità tiegħu, il-missjoni tiegħu. Kienet rivelazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Marija wkoll irċeviet profezija fuq ħajjitha. U Ġużeppi xhud ta’ dan kollu. Sieket. Jisma’. Jirrifletti. Jobdi.
Ma tantx nisimgħu x’għamlu dawn il-ġenituri wara dawn il-ġrajjiet. Żgur li ħabbew fuq li ħabbew. Bħala bniedem Ġesù wiret mhux biss it-titlu ta’ Bin David imma ħafna atteġġjamenti sbieħ bħall-kompassjoni, bħall-bżulija, bħas-smigħ tal-Kelma, bħall-ubbidjenza għall-Kelma ta’ Alla, bħall-imħabba lejn Alla.
L-ewwel u t-tieni qari jixħtu dawl ukoll billi jsemmu lil Abraham u lil Sarah. Ulied il-wegħdiet ta’ Alla, Ġużeppi u Marija ma rawx xi għeġubijiet kbar. Anzi, ma’ wiċċhom raw persekuzzjoni, eżilju volontarju, għajdut kattivi, u naturalment l-għawġ u l-ferħ li ġġarrab kull familja.
Xmun jistqarr: “għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.” Inti tagħraf f’Ġesù is-salvazzjoni tiegħek?
Jekk Ġużeppi u Marija (u Ġesù) huma l-aqwa mudell ta’ familja kif iridha l-Mulej, kemm qed ixxebbah il-familja tiegħek u l-familji f’pajjiżna ma’ din il-familja ta’ Nazaret?
Taħseb li hawn mezzi adegwati biex familji fi kriżi ta’ fidi jew kriżi ta’ mħabba jsibu għajnuna f’waqtha u xierqa?
Talba
Missier, permezz tal-Ispirtu tiegħek, inti kxift il-pjan tiegħek għall-familja. Bierek il-familji tagħna, speċjalment dawk li qed jesperjenzaw sfidi diffiċli. Agħti d-dehen lill-mexxejja tagħna sabiex isaħħu l-familja. Ipproteġi lill-familja tagħna bit-talb ta’ Ġużeppi u Marija. Nitolbu dan f’isem Ġesù Ibnek.
Grazzi, Mulej.
The post It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf appeared first on Behold.
Ikkummenta