L-Epifanija tal-Mulej
Kolletta
O Alla, inti llum b’kewkba mexxejt il-ġnus u għarraftilhom lil Ibnek il-waħdieni; fil-ħniena tiegħek agħtina li aħna, li diġà għarafniek bis-saħħa tal-fidi, naslu biex nitgħaxxqu bik wiċċ imb wiċċ fis-sebħ tal-kobor tiegħek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Ħafna drabi fil-presepji u fl-arti naraw lill-maġi—dawn l-għorrief mill-Orjent—għarkubtejhom jew b’rashom baxxuta. Imma l-frażi “inxteħtu fl-art iqimuh” (pipto proskyneō) tagħti iktar it-tifsira ta’ niżlu wiċċhom fl-art. Nirrifletti personalment kemm aħna neqsin minn das-sens ta’ adorazzjoni profonda tal-preżenza ta’ Alla fostna. Kultant bilkemm reverenza sura ta’ nies ma nagħmlu, aħseb u ara li ninxteħtu wiċċna fl-art!
It-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin jagħtina s-sens ta’ din is-solennità: “il-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju” (Ef 3, 6). F’din il-festa, aħna niċċelebraw il-manifestazzjoni, id-dehra, ta’ Bin Alla magħmul Bniedem lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.
Għal xi wħud (bħal Erodi), il-miġja ta’ Ġesù hi skomda u theddida għall-istil ta’ ħajja li jridu jgħixu. U dawn juru b’kull mezz li ma jridux li s-soċjetà tagħna tkun iggwidata mill-persuna ta’ Ġesù jew mill-kultura tiegħu.
Aħna xi rridu?
Insaqsu lilna nfusna: Il-miġja ta’ Ġesù f’ħajjitna tħawwadna? Triegħed is-sisien ta’ ħajjitna? Issuqna biex ninbidlu, biex insiru aħjar? Tqarribna lejn Alla?
Insaqsi lili nnifsi: din il-miġja saret f’ħajti? Jew ippruvajt ninħeba bil-ħafna drawwiet reliġjużi Nsara imma lil Ġesù rari jew qatt ma ltqajt miegħu? Iva, mistoqsija tajba u reali din. Ladarba aħna nemmnu li Ġesù hu ħaj, mela nista’ niltaqa’ miegħu personalment!
Talba
Missier, nirringrazzjak li bgħatt lil Ġesù biex jurina min INT. Grazzi li bgħattu fostna, umli, fqajjar, ċkejken. Missier, għall-merti tiegħu, agħtina li nsiru nafuk, li nfittxuk b’ħerqa u bżulija bħall-Maġi u, meta nsibuk, nadurawk kif jixraqlek. Ammen.
The post Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan appeared first on Behold.
Ikkummenta