Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skont ir-rieda tiegħek, biex, f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Fil-qari tat-Tielet Ħadd tas-Sena, insibu SEJĦA li tidwi fit-tliet testi.
Fl-Ewwel Qari, Ġona li jaċċetta s-SEJĦA li għamillu Alla, iħalli kollox u jmur Ninwè b’missjoni li jsejjaħ il-poplu ta’ Ninwè għall-konverżjoni, għal bidla.
Il-poplu ta’ Ninwè aċċetta s-SEJĦA ta’ Alla biex jikkonvertu u jbiddlu triqtu. Is-sejħa għal bidla f’ħajjithom urewha fil-konkret: nedew sawma u libsu lbies tal-ixkejjer, maż-żgħir sal-kbir. Daqshekk kienet missithom fil-profond is-sejħa li waslithom biex jerġgħu jaqbdu t-Triq tas-Salvazzjoni.
F’Salm 24, is-salmista jitkellem dwar it-triqat tal-Mulej u jitlobu biex jgħinu jagħraf imexxi, u jgħallmu ħalli ma jdumx ma jerġa’ jsib it-Triq tas-Salvazzjoni. Hu jfakkar lil Alla fil-ħniena u t-tjieba tiegħu li huma minn dejjem. F’kull sagrifiċċju tal-quddies, ftit wara l-Missierna nitolbu: “Mulej, … tħarisx lejn ħtijietna imma ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek.” Is-salmista bħal donnu jikkompara l-ħtijiet tiegħu mal-kobor tal-ħniena u t-tjieba ta’ Alla u jagħraf li dawn huma ferm akbar minn kull ħtija. Dan Alla li moħħu fil-ħatjin u mhux fil-ġusti. Bħal ma naqraw fl-Evanġelju li Ġesù ġie għall-marid mhux għal min jikkonsidra lilu nnifsu f’saħħtu.
Dan Alla li hu migbud lejn il-fqir, lejn l-imsejken sakemm iwasslu u jurieh it-Triq tas-Salvazzjoni.
Fit-Tieni Qari nsibu lil San Pawl iħeġġeġ lill-Korintin biex jinħallu minn dak kollu li kienu marbutin miegħu, forsi wkoll dak kollu li kien ifixkel ir-relazzjoni li Alla xtaq ikollu magħhom. Din ukoll kienet SEJĦA għal dak li fil-lingwa Ingliża jissejjaħ detachment. Jew, kif jirreferi għalih Sant’Injazju ta’ Loyola, l-indifferenza. Fid-dinja kollox jgħaddi, u ħadd u xejn mhu għal dejjem. San Pawl f’test ieħor jgħidilna li kollox jgħaddi, kollox jispiċċa, jibqa’ biss il-fidi, it-tama u l-imħabba, imma jibqa’ biss l-imhabba għax hi biss ma tmut qatt.
F’San Mark naraw żewġ avveniment, jiġifieri dak tal-arrest ta’ Ġwanni l-prekursur ta’ Kristu, u lil Ġesù jterraq u jfittex u JSEJAĦ lill-ewwel dixxipli, lil dawn l-erba’ aħwa. Ma marx ifittixhom fit-tempju iżda fuq il-lant tax-xogħol iebes tagħhom, dak ta’ sajjieda. Mar ifittixhom fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom bl-isfidi kollha li ġġib magħha. Dawn wieġbu għal din is-sejħa bid-detachment u bl-indiferrenza mfissra qabel, bl-istess manjiera li San Pawl talab li jagħmlu l-Korintin. Pietru u Indrì ma ħasbuhiex darbtejn biex ħallew d-dgħajsa. Ġwanni u Ġakbu ma ħasbuhiex darbtejn biex ħallew id-dgħajsa, ix-xbiek u lil missierhom. Issaħħru wara Kristu u marru warajh.
Talba
Mulej, inti taf tajjeb kemm għandna xi jfixkilna u jiżvijana mit-Triq tas-Salvazzjoni, din it-triq li twassalna dejjem fi ħdan il-ħniena u t-tjieba tiegħek għalina.
Tieqafx ISEJĦILNA, Mulej, ħalli nwiġbuk u nissaħħru u niġu warajk.
The post Indmu u emmnu fl-Evanġelju appeared first on Behold.
Ikkummenta