Il-Ħames Ħadd tal-Għid
Riflessjoni
Fl-Evanġelju skont San Ġwann ma niltaqgħux ma’ Ġesù jgħallem bil-parabboli. Imma minflok niltaqgħu miegħu jgħallem permezz ta’ tixbihat allegoriċi (dik li bil-Lhudi tissejjaħ mashal). Ir-rakkont tal-lum huwa eżempju sabiħ ta’ dan.
– Ġesù jidentifika lilu nnifsu mad-dielja vera
– ixebbah lil Missieru ma’ bidwi;
– iqabbel lilna mal-friegħi.
Dan id-diskors jambjenta ruħu waqt l-aħħar ċena. Ġesù ġa ħasel riġlejn id-dixxipli. Ġa wera lid-dixxipli xi tfisser tħobb/taqdi. Ġa tahom il-kmandament il-ġdid u wriehom kif jintagħrfu li huma dixxipli veri. Ġa kellimhom fuqu nnifsu bħala t-triq li twassal għal għand il-Missier.
Issa Ġesù bħal donnu jerġa’ jtennilhom dan kollu permezz tad-dielja, tal-bidwi u tal-friegħi li jagħtu frott kemm-il darba jibqgħu mwaħħlin maz-zokk. Hemm relazzjoni intima bejniethom it-tlieta. Iz-zokk tad-dielja huwa Dak li minnu ġejja l-ħajja. Il-bidwi huwa Dak li b’tant imħabba jiżbor u jnaddaf sabiex aħna, il-friegħi, inkunu nistgħu nagħmlu l-frott. Imma, biex iseħħ dan kollu, hemm bżonn li l-fergħa tibqa’ maz-zokk.
Il-fergħa u z-zokk huma ħaġa waħda. Iz-zokk jagħti l-ħajja lill-fergħa u, b’konsegwenza, il-fergħa tagħti l-frott (jiġifieri li tkun dixxiplu u li permezz t’hekk tagħti glorja lill-Missier). Il-frott ma jiġix mill-fergħa, imma mill-ħajja taz-zokk (Ġesù) u miż-żabra tal-bidwi (il-Missier). Tant hu hekk li, jekk il-fergħa titqaċċat minn maz-zokk li hu l-ħajja, tinxef u tmut. Jekk aħna ma nibqgħux ħaġa waħda mad-dielja, immutu … nitilfu l-istess skop tagħna … u frott ma nagħtux.
X’jiswielha l-fergħa li tinxef u tinħaraq fin-nar?
X’jiswielna aħna li ma nibqgħux imwaħħlin mad-dielja?
X’jiswielna aħna jekk ma nħallux il-ħajja vera tgħix ġo fina u permezz tal-istess frott nagħtu glorja lill-Missier?
Xi ħlas isbaħ hemm milli wieħed iġarrab il-ħajja tad-dielja fih u jipparteċipa mal-istess dielja sabiex jigglorifika lill-Missier?
Talba
Mulej, jiena waħda mill-friegħi.
Għini nagħraf li m’iniex iz-zokk u m’iniex il-bidwi.
Għini nagħraf li l-frott li nagħti mhux ġej mingħandi, imma huwa biss konsegwenza tar-rabta intima miegħek u tal-umiltà li nħalli l-bidwi jiżborni kull meta jkun hemm bżonn.
Għini ħa nibqa’ fik u kliemek fija … sabiex tassew nilħaq l-iskop li Inti ħlaqtni għalih u l-Missier jigglorifika lilu nnifsu permezz tiegħi, dixxiplu tiegħek.
Ammen.
The post Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott appeared first on Behold.
Ikkummenta