Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu
Riflessjoni
Dan l-Evanġelju jurina lil Kristu jissieħeb mad-dixxipli tiegħu biex jagħmel l-aħħar ikla tal-Għid magħhom. Huwa fatt sinifikanti li dan il-passaġġ jibda b’dettall fuq din it-tifkira: “Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-Ħaruf tal-Għid.” Dan qed juri li din it-tifkira hekk għażiża għall-Lhud ser issib il-milja tagħha fi Kristu, fil-Ħaruf bla tebgħa li ser jingħata għas-salvazzjoni tal-bniedem. Kristu, permezz tal-missjoni u l-passjoni tiegħu, huwa l-ħmira għal ħajja sħiħa.
L-aktar ħaġa li tispikka f’dan ir-rakkont hija l-għotja ġeneruża u libera li jagħmel Kristu meta joffri lilu nnifsu. Permezz ta’ din l-għotja sħiħa ta’ Kristu, il-Patt ta’ Alla mal-bniedem jilħaq il-milja tiegħu. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Lhud tal-ħelsien mill-Eġittu u l-patt fuq il-muntanja Sinaj jilħqu l-milja tagħhom permezz tal-kliem ċar u tond ta’ Kristu: “Dan huwa d-demm tal-Patt li jixxerred għal ħafna.” Għall-kuntrarju tal-Patt il-Qadim, iffirmat permezz tad-demm tal-annimal tal-offerta, il-Patt il-Ġdid iseħħ permezz tal-ġisem u d-demm tat-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa.
Dan mhuwiex att ta’ umiljazzjoni. Anzi, din l-għotja tixħet dawl fuq imħabba hekk profonda ta’ Alla, fuq ’l hekk imsejjħa kenożi, fejn kif jgħid San Atanasju, “Alla jsir bniedem biex il-bniedem jilħaq lil Alla.” Din l-għotja ta’ Kristu b’mod tassew viżibbli u sħiħ tagħti dinjità ġdida lill-bniedem. Mhijiex xi tifkira. Hija esperjenza. Kristu jgħid: “Dan huwa ġismi … dan huwa d-demm tal-patt.” Kristu jitkellem fil-preżent; fuq fatt. Dan il-preżent jibqa’ għaddej sal-aħħar taż-żminijiet. Din l-għotja sseħħ frott l-imħabba libera li Alla għandu għall-bniedem b’mod sħiħ: kemm ġisem u kemm ruħ. Is-salvazzjoni tgħaddi għall-bniedem permezz tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu.
Is-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tfakkarna fl-għaqda permezz tal-Ewkaristija. Hekk kif Kristu għaqqad lid-dixxipli madwaru fuq il-mejda, u mbagħad b’mod aktar mistiku permezz ta’ ġismu u demmu, hekk jagħmel Alla permezz ta’ Kristu kull meta l-ġemgħa tinġabar biex tiċċelebra l-Ewkaristija. Permezz tal-parteċipazzjoni sagramentali tal-komunità fl-Ewkaristija, il-komunità tinbidel b’mod interjuri f’għaqda mill-aktar perfetta ma’ Alla. L-Ewkaristija tgħaqqad lill-komunità fi mħabba msejsa fuq l-imħabba perfetta ta’ bejn it-tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa.
Kif jgħid il-Papa Franġisku f’waħda mill-omeliji tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, Corpus Christi, il-parteċipazzjoni tal-komunità fl-Ewkaristija “ddaħħalna fi vjaġġ fejn m’hemmx lok għall-firda. Kristu, preżenti fostna, permezz tas-sinjali tal-ħobż u nbid, jitlob li l-qawwa tal-imħabba tirbaħ kull ferita u fl-istess waqt issir komunjoni mal-ifqar fost il-fqar, appoġġ għall-batut, attenzjoni fraterna għat-tbatija tan-nies ta’ madwarna u dawk li qegħdin f’riskju li jitilfu l-fidi” (04 ta’ Ġunju 2015).
Mulej, għinni nagħraf u napprezza l-imħabba hekk qawwija li għandek għalija, tant li tajtni lil Ibnek b’mod sħiħ, għax sħiħa u perfetta hi l-imħabba tiegħek.
Mulej, għinni napprezza s-sbuħija ta’ dan il-ġisem li inti tajtni, anke meta niftakar li s-salvazzjoni tal-bniedem ma seħħitx b’xi mod maġiku iżda, għalkemm misteru, din is-salvazzjoni ġiet mogħtija permezz tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek, veru Alla u veru Bniedem.
Mulej, għinni nkun għotja għal dawk ta’ madwari. Fuq kollox, għinni biex dak li rċevejt mingħandek permezz tal-grazzja tiegħek, ngħaddih ukoll lil dawk ta’ madwari, f’dinja li, aktar minn qatt qabel, hi tassew għatxana għal dak li jiswa; għal dak li jibqa’.
The post Dan hu ġismi. Dan hu demmi. appeared first on Behold.
Ikkummenta