Solennità tat-Trinità Qaddisa
Kolletta
O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-Verità u l-Ispirtu tal-Qdusija, u wrejtna l-misteru tiegħek tal-għaġeb; agħtina li nistqarru l-fidi vera billi nemmnu fit-Trinità Qaddisa, u naduraw Alla wieħed fis-setgħa u l-kobor tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum naraw il-ħdax-il dixxiplu jerġgħu jaqbdu triqithom lejn il-Galilija. Il-Galilija kien il-post fejn kienet bdiet l-avventura tagħhom ma’ Ġesù: il-post tas-sejħa, il-post tad-deċiżjoni li jħallu kollox biex jimxu warajh, il-post fejn bdiet mixja li kellha twassalhom Ġerusalemm fejn raw lil dak li kien għażilhom, imut fuq is-Salib. Issa se jerġgħu jmorru hemm, din id-darba fuq ‘ordni’ wara Ġesù rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub.
L-Evanġelju jgħidilna li huma nxteħtu quddiemu, ‘għalkemm xi wħud iddubitaw’. Kemm hi realistika din il-frażi! Minjaf kemm-il darba aħna stess ninxteħtu quddiemu fl-Ewkaristija, iżda xorta nsibu lilna nfusna niddubitaw minnu, mill-imħabba bla kundizzjoni tiegħu u mill-fedeltà tiegħu.
Madanakollu, aħna msejħa biex nemmnu fil-Kelma tiegħu li hu magħna dejjem, sal-aħħar taż-żmien. Fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa, aħna msejħa nibnu relazzjoni miegħu bħala Alla Trinità: il-Missier li ħalaqna, l-Iben li salvana u l-Ispirtu s-Santu li jikkunslana. It-Trinità hi komunjoni bejn tliet persuni f’Alla wieħed u aħna, bħala dixxipli, imsejħa sabiex nipparteċipaw f’din l-għaqda hekk sabiħa.
Madanakollu, bħala nsara mgħammdin, aħna m’aħniex biss imsejħa biex nipparteċipaw fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa, iżda li ngħaddu din l-istess ħajja lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom. Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-festa tal-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja. Tassew li llum mhux faċli li nkunu ħrief qalb l-ilpup iżda l-Ispirtu s-Santu qiegħed magħna, bil-qawwa u bid-doni tiegħu, biex tassew jgħinna nkunu xhieda ta’ dak li nemmnu fih.
Kif jgħid il-Papa Franġisku f’waħda mill-udjenzi tiegħu: ‘Din hi l-grazzja tal-fidi. Aħna ma stajniex nittamaw għal vokazzjoni ogħla: l-umanità ta’ Ġesù—Alla għamel lilu nnifsu viċin permezz ta’ Ġesù—għamlet possibbli għalina l-ħajja nnifsiha tat-Trinità; hu fetaħ, hu fetaħ beraħ dal-bieb tal-misteru tal-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu’ (3 ta’ Marzu 2021).
Talba
Mulej Ġesù, grazzi talli, permezz tiegħek, it-talb jiftaħna għat-Trinità—għall-Missier, għall-Iben u għall-Ispirtu s-Santu—għall-immensità ta’ Alla li hu mħabba.
The post Sal-aħħar taż-żmien appeared first on Behold.
Ikkummenta