Solennità ta’ Għid il-Ħamsin
Kolletta
Riflessjoni
Il-festa kbira ta’ Pentekoste għandha ħafna qari mill-Iskrittura li hu sinifikanti ħafna. F’din il-Lectio se niffukaw fuq l-Evanġelju ta’ nhar il-festa.
Ġesù qed iħalli lill-Appostli l-legat tiegħu. Jaf li huma m’għandhomx xi memorja kbira u lanqas xi kuraġġ partikularment kbir. Għalhekk, ma jħallihomx mingħajr għajnuna. Din l-għajnuna jħalliha fil-Paraklitu (id-Difensur). Din il-Persuna Divina nsejħulha b’diversi ismijiet imma l-iktar komunu hu l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu l-Qaddis li jqaddes. L-Ispirtu tal-Verità jsejjaħlu Ġesù.
“Meta jiġi d-Difensur” – Sakemm Ġesù kien magħhom, hu kien id-Difensur tagħhom. Imma hu se jitlaq. Għalhekk, se jibgħat fuqhom Paraklitu ieħor li se jieħu ħsiebhom. Mingħajru ma jistgħu jagħmlu xejn. Minn żmien Pentekoste ’l hawn, kull meta d-dixxipli ta’ Ġesù ħallew li l-Paraklitu jaħdem fihom u magħhom, il-Knisja kibret fil-maturità u fin-numri. Imma d-dixxipli malajr jinsew u jibdew jafdaw fihom infushom, fit-talenti tagħhom jew jafdaw iktar fin-nies. U hemm il-Knisja titlef “il-qawwa” mwiegħda.
Inti, x’relazzjoni għandek mad-Difensur li Ġesù ħallas prezz immens għoli biex jiġi jieħu ħsiebek u jmexxik?
“nibagħtilkom mingħand il-Missier” – Il-Paraklitu hu Alla, wieħed mill-Persuni tat-Trinità Qaddisa, jgħix u jsaltan flimkien mal-Missier u mal-Iben sa mill-eternità. Tgħidli għalfejn qed tgħid l-ovvju. Aħna kollha nemmnuh dan. Imma jien insaqsi: tassew li nemmnuh dan b’tali mod li jbiddel il-mod kif naħsbu fuqna nfusna u fuq l-appostolat tagħna? Ħa nagħti eżempju wieħed biss. Fir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla fit-talb, kif tkellmu lil Alla?
Tħalli l-Ispirtu fik iqanqlek biex issejjaħlu “Abbà”, “Pà”? Tħallih jiftaħlek moħħok u qalbek biex tifhem l-Iskrittura Mqaddsa? Tħallih jagħtik kelma ta’ verità, kelma profetika fuq ħajtek bħalma ta lil Marija, lil Pietru, lil Pawlu, lil Franġisku, lil Katerina? Tħallih idaħħlek f’relazzjoni intima ta’ iben/bint ma’ Missierhom?
“Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha” – X’verità hi li qed jitkellem fuqha Ġesù? Din hi l-verità li teħlisna. Ġesù qal lil dawk li emmnu fih: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8, 31-32). L-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu, jfakkarna fil-kelma ta’ Ġesù (naturalment dan jinvolvi li nkunu qrajna l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelji) u nħalluh jikkonvinċina biha. Din hi l-verità li teħlisna.
Allura tiġi l-mistoqsija: Jien qed nagħti spazju lili nnifsi biex naqra l-Evanġelju b’mod regolari u nitlob lill-Ispirtu jwassalni biex nifhem dan il-kliem u jikkonvinċini minn din il-verità jew nipprova ninterpreta l-Evanġelju kif jaqbilli jew nevita li naqrah, jew naqrah imma ma nħallix ħin biex jinfidli qalbi bil-qawwa tal-Ispirtu?
The post Spirtu tal-Verità appeared first on Behold.
Ikkummenta