It-Tlettax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B
Kolletta
O Alla, int tajtna l-grazzja tal-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl: agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Naħseb li kultant, avolja ngħidu li nemmnu, imma Evanġelju bħal dan qisu jħallina bla kliem u ma nindunawx li dan qed jikxef xi ħaġa importanti ħafna għalina d-dixxipli tal-Mulej.
Fl-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Għerf, insibu din l-istqarrija: “Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja; u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.” U s-soluzzjoni għax-xitan li jgħir għall-bniedem ma kienet l-ebda programm jew strateġija imma persuna: Ġesù.
“Kien għalhekk li deher l-Iben ta’ Alla, biex iħott kulma għamel ix-Xitan”
(1 Ġwanni 3, 8).
Dan l-Evanġelju (li fih naraw mara mgħakksa minn marda għal tnax-il sena u tfajla ta’ tnax-il sena li mietet) hu sfida għalina. Kemm nemmnu li Ġesù kapaċi, illum ukoll, ifejjaq il-mard u jqajjem lill-mejtin? Bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesù wera li hu Alla u li dak li għamel għandu konsegwenzi eterni. Kemm il-maħfra u kemm il-ħelsien huma esperjenza ta’ miljuni ta’ nies li jemmnu f’Ġesù.
Donnu l-Ispirtu s-Santu qed jgħid lill-Knisja b’din il-Kelma biex temmen bħal dik il-mara u bħal Ġajru u martu. Jemmnu li Ġesù kapaċi jfejjaq mard fiżiku. Qisna qed nisimgħu xi ħrafa. Imma din mhix ħrafa. Din verità li ssaħħaħ il-fidi f’Ġesù Bin Alla u Messija. Hu Messija li jfejjaq il-mard kollu, li jaħfer id-dnubiet kollha, li jħenn għax hu tajjeb.
“Min messli l-mantar?”
Nistgħu nkunu bħad-dixxipli u nistagħġbu x’tip ta’ mistoqsija hi din ta’ Ġesù. Jew nistgħu nkunu bħal dik il-mara li stqarret il-fidi tagħha qabel ma ħasset il-miraklu fiha:
“Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa.”
Mark 5, 28
Dik stqarrija ta’ fidi. Quddiem il-mard tiegħi, quddiem il-mard ta’ madwari, jien x’tip ta’ fidi għandi f’Ġesù li jfejjaq?
“Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.”
Stqarrija oħra ta’ fidi f’Ġesù li jfejjaq. Hawn għandna ċar li element tal-fidi hu ċ-ċertezza, il-garanzija li Ġesù kapaċi jagħmel dan. Imma ngħid jien, Ġesù nbidel matul is-sekli? Kien ifejjaq u m’għadux? Żgur li le! Ma rridux inkunu bħal dawk in-nies fid-dar ta’ Ġajru li meta semgħu x’kapaċi jagħmel Ġesù u għalfejn ġie fid-dar, bdew jiddieħqu bih. Ġesù jkeċċi lil min ma jemminx. Mhux se naraw mirakli jekk ikollna fostna min iwaqqa’ għaċ-ċajt is-setgħa ta’ Ġesù li jfejjaq illum il-mard tal-ġisem. Ġesù ħalla l-ministeru ta’ dan il-fejqan sopranaturali f’idejn id-dixxipli tiegħu. Aħna jdejh li jitqegħdu fuq il-morda. Tagħna l-fidi li ċċaqlaq il-muntanji. Imma ma jridx ikun hemm dubji. Inti bħala dixxiplu tal-Mulej Ġesù kemm tħoss li hu importanti li temmen li Ġesù kapaċi jfejjaq illum? X’qed tagħmel biex ikollok jew tkabbar din it-tip ta’ fidi?
The post Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum! appeared first on Behold.
Ikkummenta