Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, int ħejjejt ġid li ma jidhirx għal dawk li jħobbuk: xerred fi qlubna l-ħlewwa ta’ mħabbtek, biex inħobbuk f’kollox u fuq kollox, u hekk niksbu l-ġid li wegħedtna, li hu aqwa milli nistgħu nixtiequ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Ir-rakkont tal-lum jagħmel parti minn kapitlu 6 ta’ San Ġwann. B’differenza mis-Sinottiċi, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann ma nsibux it-twaqqif tas-sagrament tal-Ewkaristija fl-aħħar ċena. Dan għaliex l-evanġelista San Ġwann jagħmel dan kollu f’kapitlu 6 tul ir-rakkont tat-tkattir tal-ħobż. U s-silta tal-lum propju tifforma l-qalba tad-diskors ta’ Ġesù wara li kattar il-ħobż.
B’referenza għall-Ewkaristija u b’mod mill-iktar ċar, Ġesù jippreżentalna Ġismu biex nikluh u Demmu biex nixorbuh. Ma joqgħodx idur mal-lewża jew jipprova juża diskors li ma jnaffarx lil dawk li kienu qed jisimgħuh. Imma, b’ton dirett u b’vokabularju li jaħsdek itenni li, “Jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-Bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” Mhux ta’ b’xejn li l-Lhud ma fehmuhx u bdew jitlewmu bejniethom! Mhux ta’ b’xejn li San Ġwann jinqeda bl-oġġezzjoni tal-Lhud sabiex jindirizza kwistjoni li kienet għaddejja fi żmien meta nkiteb l-evanġelju! Anzi, il-kliem ta’ Ġesù juru li l-Ewkaristija hija l-kundizzjoni li mingħajrha ma hemmx ħajja: “Jekk ma tiklux … ma tixorbux … ma jkollkomx il-ħajja fikom.”
Le, mhux biżżejjed li temmen f’Ġesù! Il-ħajja ta’ dejjem hija marbuta mal-komunjoni sħiħa bejni u bejn Ġesù. U din il-komunjoni perfetta ma tiqafx mat-twemmin imma titlob parteċipazzjoni sħiħa bejni u bejn Dak li minn jeddu qed joffri lilu nnifsu. Din il-komunjoni qaddisa titlob parteċipazzjoni intima bejni u bejn Dak li qed jingħata: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.” U din l-istess komunjoni ma’ Ġesù mhix għajr parteċipazzjoni fil-komunjoni intima li hemm bejn il-Missier u l-Iben: “Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.” Huwa Hu li qed jieħu l-inizzjattiva u joffri lilu nnifsu. Mela permezz tal-Ewkaristija induqu … anzi inġarrbu l-ħajja ta’ Alla fina għax inkunu qed nagħmlu parti mill-komunjoni divina. X’hemm iktar intimu min hekk? X’jista’ qatt jissodisfa qalb il-bniedem iktar minn hekk? XEJN!
Talba
Mulej, kemm tolqotni l-frażi, “jibqa’ fija u jiena fih.” Kemm nixtieq li bl-imġiba tiegħi nkun parti minnek! Kemm nixtieq li tassew inħallik tkun parti minni! Mhux iktar tnejn. Mhux iktar jien u Int. Imma aħna. Inti fija u jiena fik.
U din l-intimità nsibha taħt ħalqi kuljum fuq platt tal-fidda, f’kull quddiesa! Kemm għadni ma għaraftekx biżżejjed. Kieku ma nħallix imqar jum wieħed mifrud minn miegħek. Kieku ma nħallix imqar jum wieħed li ma nirċevikx ġewwa fija u ma nagħtikx lili nnifsi!
Jiena tiegħek, Mulej, u qalbi ma ssib qatt kwiet qabel ma tistrieħ fik.
Ammen.
The post Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew appeared first on Behold.
Ikkummenta