L-Imqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema Solennità
Kolletta
O Alla, ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Ir-rakkont taż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta jippreżentalna laqgħa bejn żewġ ommijiet… laqgħa bejn żewġ nisa tqal. It-tnejn li huma jlissnu tifħir minn fommhom: Eliżabetta tfaħħar lil Marija filwaqt li Marija tfaħħar lil Alla. Dan ir-rakkont jista’ jinqasam f’żewġ partijiet prinċipali u konklużjoni.
– Fl-ewwel parti (versi 39-45) naraw lil Marija (li permezz tal-anġlu Gabrijel għadha kif saret taf li kemm hi u kemm il-qariba tagħha Eliżabetta qed iġorru iben fil-ġuf) iżżur lil Eliżabetta u din tal-aħħar tagħrafha bħala “Omm il-Mulej tagħha.”
– Fit-tieni parti (versi 46-55) insibu r-reazzjoni ta’ Marija għal dak li qaltilha Eliżabetta u għal dak li għamel magħha Alla, “is-Salvatur” tagħha. Din it-tieni parti nafuha aħjar bħala “l-Kantiku ta’ Marija,” jew “Magnificat.”
– Fl-aħħar vers (vers 56) insibu l-konklużjoni, fejn Luqa jippreżentalna lil Marija bħala qaddejja.
Fir-riflessjoni tagħna ser nieqfu biss fuq l-ewwel parti, jew aħjar fuq iż-żewġ stqarrijiet li tnissel Eliżabetta fuq Marija: l-ewwel barka u mbagħad beatitudni. L-ewwel stqarrija ta’ Eliżabetta hija familjari għax hija l-istess stqarrija li aħna ngħidu fis-Sliema: “Imbierka (eulogēmenē) inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” Eliżabetta tirrikonoxxi l-grazzja ta’ Alla fuq Marija. Imma l-Evanġelista San Luqa jenfasizza, b’mod sabiħ ħafna, li l-preġju ta’ Marija mhux il-fatt li hi omm il-Mulej! Il-preġju per eċċellenza ta’ Marija nsibuh fit-tieni stqarrija fuq fomm Eliżabetta: “Iva, hienja (makaria) dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” Luqa ma jużax l-istess aġġettiv, u dan ma jagħmlux b’kumbinazzjoni. Marija hija mimlija bil-hena minħabba l-fidi tagħha. L-ewwel aġġettiv (imbierka) jintuża għall-maternità tagħha … xi ħaġa li ġejja minn fuq, mingħand Alla. It-tieni aġġettiv, li huwa iktar b’saħħtu (hienja), ma jintużax minħabba dak li hi … imma minħabba dak li emmnet. Il-preġju ta’ Marija mhux qiegħed fiċ-ċirkustanza tagħha (omm il-Mulej) imma fl-attitudni tagħha (semgħet, emmnet u għexet). Marija hija hienja għax emmnet li hija mbierka.
Talba
Ġesù, darba Inti kkoreġejt waħda mara li minn qalb il-folla għolliet leħinha u qaltlek, “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” Iżda Inti weġibtha li huma “aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11, 27-28).
Grazzi, għax bħal ommok Marija jiena mbierka. Għax il-barka ġejja minn fuq, mingħandek. Inti tixħet il-barka tiegħek … Inti tixħet għajnejk fuq kulħadd, anke fuqi. Anke miegħi Inti għamilt ħwejjeġ kbar.
Bħal ommok Marija nixtieq inkun hienja. Għax l-hena mhux ġej minn fuq. L-hena ġej proprju mill-attitudni tiegħi għal dak li ġej minn fuq. L-hena huwa riżultat tar-risposta tiegħi lilek.
Nitolbok, Mulej, ħu ħsiebi u ifrex il-ħniena tiegħek fuqi ħalli bħal ommok Marija b’ħajti nistqarr, “Ara, jiena l-qaddejja tiegħek: ħa jsir minni skond kelmtek!”
Ammen.
The post Hienja dik li emmnet appeared first on Behold.
Ikkummenta