Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
God, for ever and ever. Amen.
O Alla, inti tgħaqqad il-fidili tiegħek flimkien, bil-fehmiet kollha tagħhom, u tiġborhom rieda waħda bejniethom; agħmel li l-poplu tiegħek ikun iħobb il-preċetti tiegħek u jixtieq il-ġid li inti twiegħdu, biex, fost il-ħafna taqlib ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Din is-silta mill-Evanġelju skont Ġwanni tibda bil-qtigħ ta’ qalb u dubji, u tispiċċa bi stqarrija. Uħud minn dawk li kienu marru wara Ġesù kienu qed jilmentaw li t-tagħlim tiegħu kien iebes. Kien għadu kemm temm id-diskors twil tiegħu dwar il-ħobż tal-ħajja fejn, fost l-oħrajn, jinsisti li, “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6, 53).
Meta semgħu dan il-kliem, ħafna persuni ħassewhom skoraġġiti. Ġewhom id-dubji. M’hemm xejn ħażin f’dan. Ħafna drabi nħossu lilna nfusna niddubitaw. Madankollu kliem Kristu jibqa’ ċar. Għax qed jitkellem il-Verità. Huwa jitkellem dwar dak li verament jimporta. Hawnhekk Ġesù jirreferi għalih innifsu bħala dak li tiela’ ’l fuq, biex jieħu postu fejn kien qabel l-inżul tiegħu fil-ħin u l-ispazju fl-Inkarnazzjoni. It-telgħa u l-inżul huma tant importanti fl-Evanġelju skont Ġwanni.
Wara li ħafna mid-dixxipli jitilquh, Ġesù jitkellem ċar mat-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Hija deċiżjoni li jridu jieħdu: jew li jsegwu l-folla, jew dik li jemmnu u jimxu wara Ġesù. U madankollu, l-affermazzjoni ta’ Pietru, li “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” hija tant qawwija u toħloq kuntrast qawwi mal-iskoraġġiment u l-azzjoni tal-folla.
Id-dubju jista’ jwassal għall-fidi. Din hija r-raġuni għaliex is-silta tintemm b’dik l-affermazzjoni importanti minn Pietru. Il-ħajja spiritwali tagħna hija vjaġġ ta’ fidi. Huwa l-vjaġġ tiegħi u tiegħek. Il-vjaġġ spiritwali mhuwiex mingħajr xkiel u diffikultajiet. B’dan il-mod tirrifletti wkoll il-ħajja tagħna ta’ kuljum li ma tiġix mingħajr il-problemi tagħha. Madankollu, jekk niddeċiedu li nħallu lill-Mulej f’ħajjitna, dan jista’ jkun vjaġġ li jqawwina; vjaġġ ta’ tlugħ, fejn nersqu eqreb lejn Alla.
Talba
Mulej, inħoss dubji u diffikultajiet. Jista’ jkun li mhux dejjem nifhem l-esperjenza spiritwali tiegħi. Agħtini s-saħħa biex nemmen, biex ikolli fidi, biex inħallik tidħol ġewwa fija. Ħallini nċedi ruħi lilek, fl-assigurazzjoni li jien ukoll se ninbidel.
L-istqarrija qawwija ta’ Pietru hija affermazzjoni ta’ bniedem wieħed, b’kuntrast mad-dubji mtennija minn numru ta’ dixxipli qabel. Ħalli dik l-istqarrija tkun il-mira tiegħi, minkejja d-diffikultajiet li għaddej minnhom. Ħallini niftakar, kif qal Santu Wistin darba, li “Int għamiltna għalik innifsek, o Alla, u qalbna hija bla kwiet sakemm tistrieħ fik.”
O Mulej, ħallini nkun xhud tal-fedeltà tiegħek f’din il-ħajja. Ħallini nkun mezz li bih dawk ta’ madwari jiltaqgħu mal-Verità u l-Ħajja ta’ dejjem u jħaddnuhom.
Ammen.
The post Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem appeared first on Behold.
Ikkummenta