It-Tmintax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B
Kolletta
Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kulma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen
Lectio Divina
Mhux l-ewwel darba li anke jien bħal dawn il-Lhud infittex lil Ġesù għaż-żejjed u n-nieqes jew inkella meta niġi dahri mal-ħajt u m’għandix aktar fuq min indur. Imma oħroġ il-għaġeb kull meta ndur fuqu dejjem insibu u dejjem jagħtini dak is-serħan li f’ħadd u xejn aktar ma nsibu. Ġesù li jaqta’ l-għatx u l-ġuħ għall-imħabba, għall-għożża u l-attenzjoni li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Kemm hu sabiħ li nafu li lil dan Ġesù ħa nsibuh dejjem anke meta nfittxuh biss għaż-żejjed u n-nieqes. X’sigurtà u x’serħan il-moħħ. Assigurazzjoni li, iva, il-passat huwa ukoll garanzija għall-futur għax Ġesù jibqa’ ma jinbidilx. Jibqa’ għal dejjem l-Imħabba nnifisha li ma tiġix influwenzata minn ebda fattur ieħor, li mhi suġġetta għal ebda ħaġa oħra.
Ġesù mill-ewwel għaraf għalfejn marru bi ħġarhom ifittxuh. Kien jaf li huma marru jfittxuh għax kienu kielu u xebgħu mill-ħobż li kien kattar. Imma safrattant, filwaqt li kien ċar magħhom, tahom parir li kien jiswielhom ħafna iktar mill-ħobż li kielu u xebgħu minnu—għax dak jgħaddi u jispiċċa bħal kull ħaġa oħra materjali. Xejn mhu għal dejjem ħlief dak li kien minn dejjem—Alla—u l-opri tajba li nagħmlu mal-proxxmu tagħna li fuqhom għad xi darba niġu ġġudikati. Xejn ma jkun jiswa li nakkwistaw titli u assi li bihom jitgħammxu l-għajnejn tad-dinja imbagħad ma nkunux għarafna lil Alla li hu dak li jimla kull vojt u jaqta’ kull għatx. Ġesù hu l-ħobż li jmantnina u jsostnina fil-jiem kollha tagħna. Ejjew għalhekk nersqu nieklu minn dan il-ħobż biex hekk ma jeħodna qatt il-ġuħ.
TALBA
Ġesù, inti taf x’hemm fil-qalb tagħna. Agħmel li nfittxuk dejjem u nagħrfu niddependu fuqek biss f’kull mument ta’ ħajjitna għax inti biss tista’ toffrilna serħan il-moħħ u sigurtà.
Ammen.
The post Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ appeared first on Behold.
Ikkummenta