Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena B
Kolletta
Nitolbu. O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma’ tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Ġakbu u Ġwanni jagħmlu bħal vavi! Tistħajjilhom isabbtu saqajhom u jirrikawtaw ukoll—kif ġieli nagħmlu aħna wara kollox għax naħsbu li għandna jedd għal dik u għall-oħra u, jekk ma tgħaddix tagħna, imbagħad naraw kif nagħmlu u nivvendikaw irwieħna; għax nippretendu li għax tlabnih naqilgħuh. Imma dak li nitolbu—għalkemm f’għajnejna jidher sewwa u xieraq—mhux dejjem ikun jgħodd għalina, u għalhekk Ġesù jiftħilhom għajnejhom, lil ulied Żebedew, u jgħidilhom li ma jafux x’inhuma jitolbu (Mk 10, 38).
Dak li riedu Ġakbu u Ġwanni kien dak li jgħammex l-għajn imma żgur li ma jimliex il-qalb. Riedu l-qawwa, il-poter u s-setgħa fuq l-oħrajn. Din hi kilba u xenqa ta’ ħafna għaliex fina l-bnedmin hemm dik ix-xewqa li jkollna kontroll fuq kollox u fuq kulħadd; il-kilba għal dejjem iktar; ix-xenqa biex naħkmu u noħonqu flok nindukraw u nrabbu. Inklinazzjoni u forsi ambizzjoni fina li, jekk ma neħdux ħsiebha, taf twassalna biex, flok naqdu u nservu lill-oħrajn, nużaw, nisfruttaw u nimmanipulaw lil dawk li aħna suppost inġibu qabilna. U forsi hawnhekk wieħed jistaqsi u jagħmel eżami tal-kuxjenza jekk hux qed naqdu u nservu jew nikkontrollow u nużaw għal skopijiet u finijiet li mhumiex ġusti. Meta npoġġu lilna nfusna l-ewwel u nfittxu biss li ninqdew aħna mingħajr ma nagħtu kas ta’ għajrna, hemmhekk ikun hemm nuqqas ta’ armonija u diżordni kbira—diżordni li sfortunatament qed ngħixu aħna llum għax kulħadd jimxi bl-attitudni ta’ ‘ġib ’l hawn u tiħux ’l hemm’.
Huwa tajjeb li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu imma dan mhux għas-skapitu tal-oħrajn. U, fuq kollox, li kieku kulħadd jieħu ħsieb kulħadd, kieku kulħadd ikun qed jgħix il-ħajja fl-istat ideali tagħha u, filwaqt li din tidher bħala realtà ’l bogħod minn dak li nafu aħna, din hi l-istedina li qed jagħmlilna Ġesù anke lilna llum! Ġesù qed jistedinna biex indawru l-fardal ma’ qaddna u nintefgħu naqdu u nservu bi mħabba lil dawk ta’ madwarna, u dan nagħmluh mingħajr ma nistennew xejn lura għax “min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10, 43b-44).
Ġesù hawnhekk jinstema’ qawwi u forsi xi ftit goff ukoll. Ġesù ma joqgħodx jomgħodha u bla tlaqliq jeżiġi li aħna bħalu nkunu radikali u għalhekk kliemu jolqotna u jaħsadna għax bla dubju jistona. Ejjew għalhekk inħallu kliemu jkompli jirbombja f’widnejna biex ma niddejqux nistunaw f’din id-dinja fejn mhux moda li tagħti u tingħata; fejn mhux moda li taqdi u sservi!
Talba
Mulej Ġesù, qawwina biex ma niddejqux nistunaw u nagħmlu dak li hu tajjeb; biex naqdu u nservu; biex inħobbu u ningħataw bla riservi.
Ammen.
The post Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi appeared first on Behold.
Ikkummenta