It-Tmienja u Għoxrin Ħadd ta’ matul is-Sena B
Kolletta
Nitolbu. Nitolbuk, Mulej, li l-grazzja tiegħek dejjem tqanqalna u tieqaf magħna, u tħeġġiġna biex inkunu l-ħin kollu medhija b’għemejjel tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
L-Evanġelju tal-lum jippreżenta laqgħa personali bejn Ġesù u raġel li ġenwinament jixtieq li jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Huwa jiġri għand Ġesù u jinżel għarkupptejh quddiemu. Xi ħaġa fi kliem Ġesù qanqlet fih ix-xewqa li jkun jaf aktar. Dan iwassal biex jinħoloq djalogu bejn Ġesù u dan il-bniedem mgħallem. Ġesù jidħol f’relazzjoni ma’ dan l-individwu—kelma tant qawwija fi żminijietna fejn, qalb is-superfiċjalità ta’ dinja sekularizzata, nixxenqu għal relazzjonijiet iktar profondi.
Dan huwa dak li jagħmel Ġesù hawn. Huwa jimpenja ruħu ma’ din il-persuna b’mod personali ħafna. Anki l-punt tat-tluq ta’ Ġesù huwa l-isfond ta’ dan ir-raġel. Huwa jibda bil-Kmandamenti, li r-raġel kien familjari magħhom. Ġesù jimpenja ruħu ma’ kull wieħed u waħda minna b’mod uniku.
L-enfasi fuq Ġesù li jixħet fuqu ħarsa ta’ mħabba hija tant sabiħa. Hawn hu l-fus tar-relazzjoni bejn Alla u l-bnedmin. L-imħabba tiegħu hija tant kbira li, bħala t-Tieni Persuna tat-Trinità, Ġesù daħal fil-limitazzjonijiet tal-ħin u l-ispazju u nifed l-abbiss tal-ħażen. Is-salvazzjoni tiegħu testendi għal kulħadd, iżda sseħħ f’relazzjoni personali bejn Ġesù u kull wieħed u waħda minna.
Dan il-bniedem kien mexa sew fit-triq. Huwa kien familjari mal-kmandamenti. Għax jagħraf sa fil-fond tiegħu, Ġesù jistiednu jimxi pass ’il quddiem. Jistiednu biex joħroġ mill-kumdità tiegħu. Jistiednu jimxi lil hinn milli jfittex li jkun fil-kontroll sabiex ikun jiddependi għal kollox fuqu.
Il-ħajja Nisranija hija dinamika u tirrikjedi impenn totali. Li tirċievi l-Ispirtu tal-Mulej jinvolvi li tmur lil hinn, u dan għaliex ninsabu fi vjaġġ ta’ żvilupp. Bħal dak ir-raġel li kien sinċerament interessat li jkun jaf aktar, aħna mħeġġa mmorru lil hinn mill-kumdità tagħna, li xi drabi tjassarna, sabiex nikbru. Madankollu, din hija sfida għax ifisser li ser ikollna nħallu warajna dak li s-soltu nserrħu fuqu. Hija sfida għax aħna medhijin infittxu li nkunu kontinwament fil-kontroll tal-ħajja tagħna. Madankollu, dan huwa eżerċizzju fil-fidi u, fuq kollox, fl-imħabba; fil-fiduċja li Alla jaf x’inhu l-aħjar għalina. Hija d-deċiżjoni tagħna li nwieġbu għall-fiduċja li Alla għandu fina.
Talba
Mulej, ħallini nitgħallem napprezza r-relazzjonijiet iktar mill-affarijiet l-oħrajn kollha. Ħallini niftakar li int stess bdejt relazzjoni magħna. Ir-relazzjonijiet huma essenzjali f’ħajjitna; hekk kif infittxu rabtiet reali u dejjiema ma’ xulxin, u speċjalment miegħek.
Mulej, agħtini s-saħħa biex inħalli warajja dak li jżommni ’l bogħod mill-imħabba tiegħek. Agħtini s-saħħa biex inħallik tieħu kontroll ta’ ħajti.
Mulej, ħallini nġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija u nħalli l-Ispirtu tiegħek jaħdem fija sabiex nagħti xhieda awtentika tal-imħabba Nisranija.
Mulej, ħa niftakar li int biss tista’ timla l-vojt f’qalbi. Qalbi mxennqa għalik; qalbi tixxennaq biex tistrieħ fit-tgħanniqa tal-imħabba tiegħek.
The post Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba appeared first on Behold.
Ikkummenta