Il-Wieħed u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena B
Kolletta
O Alla ħanin li tista’ kollox, minnek ġej li l-fidili tiegħek jagħtuk servizz xieraq u ta’ ġieħ: agħmel li, mingħajr ebda tfixkil, inħaffu biex niksbu l-wegħdiet tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Li l-imħabba hija l-qofol tal-ħajja nisranija u l-pedament tal-moralità nisranija huwa fatt magħruf minn kulħadd, insara u mhux. Għan-nisrani hija domma ta’ verità, u verità essenzjali ttimbrata fil-moħħ ta’ kull persuna mgħammda, anki jekk tilfet twemminha tul it-triq iebsa tal-ħajja. L-isfortuna hija li jista’ jkun li għal uħud din il-verità saret cliché u tilfet is-sinifikat veru tagħha fil-ħajja ta’ kuljum. Għax l-imħabba mhix faċli tfissirha u tartikola l-esperjenza tagħha, lil hinn mill-emozzjonijiet li tqanqal f’ġisimna, li jimbuttawna lejn jew ’il bogħod minn persuni oħra.
Imma l-imħabba hija biss l-effett ta’ kimika ta’ attrazzjoni? Dażgur li le. Hija ħafna aktar minn hekk. U Ġesù fuq dan jitkellem illum. Għax għalih il-proxxmu mhuwiex biss il-ħabib li taf jew kulmin għandek grazzja miegħu jew tħoss emozzjoni pożittiva lejh/a (is-sens tal-kelma ebrajka “rea” li tintuża’ fil-Levitiku),imma kull min huwa fiżikament viċin tiegħek f’ħajtek u għandu bżonn l-għajnuna tiegħek, għandek jew m’għandekx grazzja miegħu jew magħha, tafu jew ma tafux, ġeneruż u simpatiku jew mhuwiex (is-sens tal-kelma Griega “plesios” li tintuża’ fit-Testment il-Ġdid). Dawn huma nies li nħokku magħhom fuq il-postijiet tax-xogħol, fi gruppi soċjali varji, u anki fil-familji tagħna.
L-imħabba mhijiex biss emozzjoni imma titlob—anzi tesiġi—deċiżjoni favur il-magħkus, il-magħdur u l-fqir, l-antipatiku li m’għandekx demm miegħu, dak li ma jirreċiprokax pjaċir b’ieħor. Għalhekk, l-ewwel organu tal-ġisem uman li jsemmi Ġesù huwa l-qalb (“għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha”), għax għal-Lhud huwa fil-qalb li jittieħdu d-deċiżjonijiet u jiffurmaw l-attitudnijiet fundamentali li jwasslu għall-imġieba esterna. U hija għalhekk il-qalb li tagħġen l-identità tal-persuna.
Ġesù jorbot ukoll l-imħabba li wieħed għandu jkollu lejn Alla ma’ dik tal-proxxmu. Din tkisser id-dikotomija li dejjem għamilna bejn l-azzjonijiet li jwasslu għall-ewwel waħda u l-għemejjel li juru t-tieni. Le, Ġesù juri li dan m’għandux ikun. It-talb, iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, il-qari u l-meditazzjoni tal-Iskrittura u d-devozzjonijiet kollha li għandna għandhom ikunu l-obbligazzjoni tagħna lejn Alla, filwaqt li l-opri tal-ħniena nagħmluhom meta u kif jidhrilna biex nagħtuh pjaċir, u forsi nsoddulu ħalqu wkoll xi kultant. Ġesù jridna nħobbu lill-proxxmu għax fih naraw lilu, u f’kull att ieħor ta’ fidi li nagħmlu niċċelebraw din l-imħabba flimkien mal-komunità nisranija. Hija l-imħabba kollha ħniena lejn l-ieħor li tiġġustifika u ssebbaħ kull ċelebrazzjoni liturġika, tagħti lit-talb valur, u tlaħħam Kelmet il-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum. Hekk, kull att ta’ mħabba jsir att liturġiku li jfaħħar u jrodd ħajr u jigglorifika ‘l Alla, u jqanqallu qalbu biex jimliena bil-barkiet u l-grazzja tiegħu.
Kemm tħossok maħbub minn Alla, anki meta l-imħabba tiegħu ma tarahiex fil-mumenti iebsin ta’ ħajtek? U meta tmissek din l-imħabba, x’tagħmel biha?
Talba
Minn qiegħ qalbna nitolbuk, Mulej, sabiex issawwab fuqna l-Ispirtu Qaddis tiegħek, li jagħtina l-grazzja li naraw lilek fl-ieħor, hu min hu, ġej minn fejn ġej, għandu jew m’għandux x’jagħti lura, simpatiku u ġentili jew mhux. Saffilna qalbna u mħabbitna biex jingħataw lill-proxxmu fl-istess sura u xbieha tiegħek, kif maħluqa minnek.
Ammen
The post Għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha appeared first on Behold.
Ikkummenta